Il-programm AiR Valletta 2018 bi pjaċir iħabbar iż-żewġ artisti magħżula għar-Residenza tal-Artisti fi ħdan id-Deep Shelter Project fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo: Angelika Böck u Sergio Muscat.

Ir-residenza se ssir bejn Jannar u Frar tal-2018. Matul ir-residenza ta’ sitt ġimgħat se joħolqu biċċa xogħol għaż-żona tal-istennija tas-sala ta’ matul il-jum. L-ispazju disponibbli jipprovdi perspettivi u espożizzjoni estensiva lill-viżitaturi ta’ matul il-ġurnata.

Ir-residenza Deep Shelter titmexxa fil-kuntest ta’ xena kulturali dejjem tikber f’Malta, immexxijja mit-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Belt Valletta, u l-Istrateġija 2020 ta’ Arts Council Malta. Il-Programm ta’ Residenza għandu l-għan li jarrikkixxi d-diversità kulturali fi ħdan ix-xena kreattiva nazzjonali u jinkoraġġixxi l-interazzjoni produttiva bejn il-persuni kreattivi internazzjonali u lokali; bejn il-persuni kreattivi internazzjonali u l-komunitajiet, kif ukoll, l-ambjenti fiżiċi u virtwali.

Iż-żewġ kandidati magħżula se jaħdmu mill-qrib ma’ Dr Benna Chase u mal-koordinatriċi tal-proġett Pamela Baldacchino.

Angelika Böck

Angelika Böck hija artista viżiva u riċerkatriċi bbażata fuq il-prattika, li tgħix fi Munich. Ix-xogħol parteċipatorju speċifiku tas-sit tagħha huwa bbażat, bażikament, fuq il-kapaċità tagħha li tisma’, b’mod miftuħ u attiv, u fuq li torganizza xenarji li jkabbru l-potenzjal kreattiv kollettiv ta’ kostitwenza jew sit partikolari. Għalhekk Böck għandha l-pożizzjoni ta’ ‘medjatur’ jew ‘faċilitatur’ fi process ta’ skambju intersuġġettiv li jirreaġixxi mas-sitwazzjoni speċifika mal-koparteċipanti. Fi ħdan il-prattika artistika kunċettwali tagħha tuża midja differenti bħal vidjo, installazzjoni, fotografija, test u skultura. Għal aktar informazzjoni ara hawn: http://www.angelika-boeck.de/en/biography/

Sergio Muscat

L-artist viżiv Malti Sergio Muscat kien espost kemm għall-arti kif ukoll ix-xjenza minn mindu kien tifel – f’familja ta’ tobba, għalliema, fotografi u mużiċisti. B’punt fokali oriġinali fix-xjenza tal-kompjuters, hu skopra mill-ġdid il-fotografija fl-għoxrinijiet tiegħu, fil-quċċata tar-rivoluzzjoni diġitali, u eventwalment kompla jistudja l-arti diġitali. Hu applika l-għarfien tiegħu tat-teknoloġija u beda jwessa’ l-limiti tal-fotografija tradizzjonali billi juża r-ritratt bħala saff ta’ bażi – punt tat-tluq ta’ ispirazzjoni li m’għandux limitu fil-potenzjal. B’ħidma primarjament fil-mezz tal-fotografija diġitali, joħloq xogħol tal-arti li huwa istintiv, sensittiv u kontemplattiv, li jiffoka fuq realtajiet personali u kollettivi li qed jinbidlu kontinwament permezz tal-esperjenza personali, l-evoluzzjoni tan-natura u l-intervent tal-umanità. Ix-xogħol tiegħu rebaħ bosta premji, ġie esibit lokalment u barra minn Malta, u jinsab f’kollezzjonijiet privati madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti. Għal aktar informazzjoni, ara hawn: http://sergiomuscat.com