Il-konferenza annwali ta’ Valletta 2018 dwar ir-Relazzjonijiet Kulturali fl-Ewropa u fil-Mediterran se terġa’ sseħħ bit-tieni konferenza li ġġib l-isem, “Cultural Mapping: Debating Spaces and Places” fit-22 u t-23 ta’ Ottubru ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.

Il-konferenza qed tiġi organizzata wara t-tnedija tal-mappa onlajn f’April illi għadda www.culturemapmalta.com. Din tippreżenta d-dejta miġbura matul l-ewwel fażi tal-proġett dwar l-Immappjar Kulturali, mmexxi mil-Fondazzjoni Valletta 2018. Filwaqt li tlaqqa’ għadd ta’ akkademiċi, riċerkaturi, prattikanti tal-kultura u artisti internazzjonali, il-konferenza se tesplora diversi eżerċizzji tal-immappjar kulturali li jseħħu fid-dinja kollha. Is-suġġett huwa relattivament ġdid għal Malta u, għaldaqstant, il-kelliema se jiddiskutu r-rwol tal-immappjar kulturali fi ħdan oqsma bħall-politika kulturali, il-prattika artistika, il-patrimonju u l-identità kulturali, fost l-oħrajn.

Il-kelliema jinkludu esperti, akkademiċi, riċerkaturi u attivisti fl-oqsma ta’ patrimonju tanġibbli u intanġibbli, żvilupp sostenibbli u politika tal-kultura, kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-Mediterran. Id-diskorsi ewlenin se jingħataw mill-Prof. Pier Luigi Sacco, ekonomista kulturali li se jippreżenta eżempji ta’ mmappjar kulturali li jseħħu fl-Italja u fl-Isvezja, u Dr Aadel Essaadani, il-President ta’ Arterial Network, organizzazzjoni bbażata fil-Marokk li tlaqqa’ flimkien prattikanti tal-arti u tal-kultura fil-kontinent Afrikan.

Fil-konferenza se jkun hemm ukoll serje ta’ sessjonijiet paralleli, fejn riċerkaturi mid-dinja kollha jkunu jistgħu jippreżentaw eżempji ta’ mmappjar kulturali li jseħħu f’diversi kuntesti Ewropej u mhumiex. Is-sessjonijiet paralleli se jesploraw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, inklużi l-użu ta’ teknoloġija diġitali innovattiva fl-immappjar kulturali, ir-rwol tal-immappjar kulturali f’ħidma parteċipatorja fil-komunità u mmappjar kulturali bħala għodda fil-prattika artistika. Elementi li jispikkaw se jinkludu preżentazzjonijiet ta’ eżerċizzji ta’ mmappjar kulturali li jseħħu fil-Palestina, fi New York u f’Hong Kong kif ukoll f’Malta u madwar l-Ewropa u fil-Mediterran. Il-konferenza se tkun ikkumplimentata bi stallazzjoni marbuta ma’ sit speċifiku tal-artist Trevor Borg kif ukoll b’serje ta’ films qosra żviluppati minn preżentaturi tal-konferenzi.

Ir-reġistrazzjoni għall-konferenza tista’ ssir minn fuq is-sit ta’ Valletta 2018: www.valletta2018.org/cultural-mapping-debating-spaces-and-places. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq it-Tlieta 13 ta’ Ottubru. Għal iktar dettalji ċempel fuq 21242018 jew ibgħatilna email f’dan l-indirizz research@valletta2018.org.