AMALGAMA hija esibizzjoni innovattiva u awdjo-reattiva viżwali għall-pjanu – kollaborazzjoni bejn il-pjanista Gabi Sultana u l-artist viżiv Mark Dingli. Huma ser jesploraw xogħlijiet minimalistiċi minn kompożituri internazzjonali kontemporanji bħal John Cage, Philip Glass u Benjamin Van Esser fost oħrajn.

Matul il-prestazzjoni, il-ħoss tal-pjanu ta’ Sultana ser ikun akkumpanjat bl-immaġnijiet ta’ Dingli li tfasslu speċifikament għal dan il-programm, u b’hekk tinħoloq esperjenza omoġenja li ddaħħal aspett viżiv f’dik li s-soltu jkun ambjent purament għall-widna. Ir-riżultat huwa esperjenza immersiva għal dawk li jħobbu l-mużika, l-arti u l-ħoss sperimentali. Dan il-proġett ser jinkludi wkoll traskrizzjoni għall-pjanu minn Sultana ta’ silta tal-NSI. Non Standard Institute (sħubija bejn Tobias Freund u Max Loderbauer) u improvizzazzjoni tal-pjanu u modulari mal-mużiċist elettroniku TR-S1.

L-attività se tittella’ f’43, ix-Xatt ta’ Lascaris, il-Belt Valletta u tibda fit-8.30pm. Il-biljetti jiswew €10.50 (li jinkludi l-booking fee) u jistgħu jinxtraw mill-ħolqa t’hawn isfel.