L-Apocalypse Trio huwa l-wild kreattiv ta’ tliet navigaturi mużikali mir-reġjun Taljan tal-Puglia li bl-esperjenza u l-viżjoni tagħhom jesploraw dinjiet mużikali ġodda billi jlaqqgħu flimkien strumenti akustiċi u elettroniċi biex joħolqu elektro-jazz ġdid b’ħoss kontemporanju.

It-triju, li huwa magħmul minn Vincenzo Deluci, Camillo Pace u Giuseppe Mariani, ifittex bla hedu mużika li tinfatam mill-imgħoddi filwaqt li jesprimi l-għeruq elettriċi tiegħu – jiġifieri r-rock, il-jazz, u l-mużika kontemporanja u antika – f’fużjoni sonora mingħajr preċedent.

Din mhix il-prestazzjoni tas-soltu. Hija mużajk mużikali li nbena fuq arkitettura msejsa fuq il-ħoss: ritmi miksura, interventi, trumbetta skiżojde kif ukoll elementi tal-baxx u elettroniċi. Matul is-serata ser ikun qed idoqq ukoll l-esponent Malti Gomez’s Experiment. Tgħid il-lejla ser toffri xi kollaborazzjoni spirtu pront? Tista’ ssir taf b’mod wieħed biss…

Apocalypse Trio // Vincenzo Deluci se jittella’ nhar il-Ġimgħa 20 ta’ April 2018 fit-8pm fis-Sala Sir Temi Zammit, Kampus tal-Università ta’ Malta, L-Imsida.