Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tappoġġja l-wirja Art of Peace Exhibition li ser tittella’ fi Spazju Kreattiv f’Marzu 2017. Organizzata mill-Fondazzjoni Artraker, din l-esebizzjoni ser tippreżenta x-xogħlijiet li rebħu l-ewwel u tieni premju fl-Artraker Awards flimkien ma’ artisti Maltin u xogħlijiet artistiċi mill-proġett reċenti One in a Million li jittratta d-diversità fl-iskejjel.

Il-missjoni tal-Fondazzjoni Artraker hija li tinfluwenza l-mod kif in-nies u l-għaqdiet jifhmu u jittrattaw il-kunflitti vjolenti u l-effetti tagħhom. Tul tliet ġimgħat dan l-avveniment ser jinkludi ċerimonja ta’ għoti ta’ premji, dibattiti minn panils, reċevimenti, workshops fl-iskejjel u lejla ta’ ċinema. Din l-inizjattiva kollaborattiva ser tlaqqa’ l-arti lokali u internazzjonali sabiex isir stħarriġ dwar l-importanza tal-arti f’kuntesti ta’ taqlib soċjali, biex b’hekk iżżid il-valur ta’ pajjiżna u tax-xena artistika tiegħu.

Ġaladarba l-Fondazzjoni Artraker qiegħda ttella’ dan l-avveniment bi sħubija mal-British Council (Malta), il-proġett igawdi wkoll appoġġ fuq diversi livelli minn Spazju Kreattiv, mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura u mill-Ministru għall-Edukazzjoni.