Belt il-Bniedem (City of Humanity) huwa proġett edukattiv/artistiku, appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, li jwassal għall-produzzjoni tal-ewwel ċiklu tal-opra Maltija. Il-kunċett artistiku ta’ din is-serje ta’ opri huwa l-kunċett ta’ assedju. Dan il-proġett se jdum sentejn, mill-1 ta’ Settembru 2017 sal-31 ta’ Novembru 2019.

Dan il-proġett għandu l-ħsieb li jwessa’ l-udjenza lokali tal-opri permezz tal-integrazzjoni ta’ artisti lokali, bl-użu tal-lingwa Maltija u permezz tal-fatt li s-suġġett tal-opri huwa marbut mill-qrib mal-istorja Maltija.

Iċ-ċiklu se jikkonsisti fi 3 opri, li tnejn minnhom se jiġu mnedija f’Novembru tal-2018, filwaqt li t-tielet waħda se titnieda fl-2019. B’hekk, Belt il-Bniedem 1 – Swar se tkun ibbażata matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, it-tieni opra Belt il-Bniedem 2 – Il-Blata Mġarrba se tkun ibbażata matul it-Tieni Gwerra Dinjija u Belt il-Bniedem 3 – L-Era tal-Wieħed jew Xejn se tkun ibbażata f’Malta moderna u tiffoka aktar fuq assedji kunċettwali milli fiżiċi.

Il-proġett irawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li jgħixu f’Malta b’mod uniku. Filwaqt li l-mużika qed tiġi maħluqa minn Dr. Reuben Pace; il-biċċa l-kbira tal-bqija tal-produzzjoni (libretto, disinn tal-palk, fotografija, vidjografija, loġistika) qed isiru minn studenti minn skejjel sekondarji sal-Università. Dawn l-istudenti qed jiġu assistiti mill-għalliema/lekċerers tagħhom kif ukoll minn professjonisti fil-qasam.

Il-produzzjoni tgħaqqad flimkien midja differenti, tradizzjonali u innovattiva. Il-mużika hija magħmula minn taħlita magħżula bir-reqqa tat-tradizzjonali (folk), rinaxximent, barokk, romantiku, il-mużika pop tal-għoxrinijiet u t-tletinijiet u t-tekniki tal-mużika artistika kontemporanja. Il-palk innifsu għandu jkun taħlita tal-materjali tal-kostruzzjoni tal-palk tradizzjonali b’elementi tal-vidjow integrati b’mod kontinwu fih.

Il-koreografija se tkun taħlita ta’ żfin tradizzjonali u folk ma’ żfin kontemporanju. Id-disinn tal-kostumi se jkollu elementi ta’ ġdid u antik, kunċetti tradizzjonali stabbiliti flimkien mad-disinn kontemporanju. Filwaqt li l-attività ewlenija se tkun il-prestazzjonijiet innifishom, dawn se jiġu preċeduti minn numru kbir ta’ attivitajiet.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur is-sit uffiċjali: www.cityofhumanity.org.

Bħalissa jinsabu mituħa applikazzjonijiet għal conducting masterclasses mill-Mro Robert Ferrer (Spanja), bħala parti mill-attivitajiet edukattivi ta’ Belt il-Bniedem I – Wara s-Swar li se jsiru fid-Dipartiment tal-Istudji tal-Mużika fl-Università ta’ Malta fit-13 u l-14 ta’ April 2018. Il-masterclasses huma b’xejn u l-għażla finali se tara lill-Mro Ferrer jagħżel erba’ parteċipanti attivi biex ikunu kondutturi għal partijiet mix-xogħlijiet fir-repertorju bil-pjanu. Għal aktar informazzjoni u għar-repertorju żur: http://www.cityofhumanity.org/activities

 

Dan il-proġett huwa appoġġat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.