Id-definizzjoni tal-frażi Ingliża “be wild” hija “li tkun kollok entużjażmu dwar xi ħaġa jew xi ħadd”. “BEWYLD” huwa dan kollu u aktar – mini-DIY festival iddedikat lill-preżentazzjoni ta’ mużika lo-fi b’xeħta stramba.

Il-festival, organizzat minn Be-Wild events u Valletta 2018, se jsir fir-Rocky Valley Garden (ex-Tigullio) fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2018. Dan se jlaqqa’ flimkien diversi esponenti lokali u internazzjonali fuq għamla ta’ pjattaforma ġdida, fejn l-artisti u l-udjenzi jiltaqgħu f’ambjent amikevoli, kollaborattiv u kreattiv. Bħala avveniment li jżomm alalarga mill-prattika stabbilita ta’ gruppi li jappoġġjaw jew jiftħu l-festival, “BEWYLD” huwa spazju informali wiesa’ fejn mużiċisti stabbiliti u oħrajn ġejjiena u l-udjenzi tagħhom jistgħu jsiru konnessi ma’ xulxin filwaqt li jgawdu selezzjoni eklettika ta’ stili mużikali.