Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tixtieq tistieden lil Fornituri ta’ Servizzi ta’ Komunikazzjoni u Kummerċjalizzazzjoni biex jesprimu l-interess tagħhom li jiddaħħlu fil-lista tal-fornituri tas-servizz esterni tal-Fondazzjoni.

Il-fornitur tas-servizzi ta’ Komunikazzjoni u Kummerċjalizzazzjoni ser jieħu ħsieb il-Komunikazzjoni u l-Kummerċjalizzazzjoni ta’ proġetti fi ħdan il-programm kulturali tal-Fondazzjoni. Dawn ser jinkludu t-twettiq ta’ pjanijiet ta’ komunikazzjoni adattati li jqawwu kemm jista’ jkun il-viżibilità tal-oqsma kollha tal-komunikazzjoni, inklużi l-promozzjoni, ir-reklamar, id-disinn, il-midji onlajn u offlajn u r-relazzjonijiet pubbliċi fuq in-netwerks pubbliċi u soċjali kollha u fuq l-internet. Dawn il-fornituri tas-servizzi msemmija ser jaħdmu flimkien mat-tim tal-Komunikazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 skont l-għanijiet u l-objettivi tal-proġetti, fi żmien stipulat, fil-limiti ta’ baġit u skont ir-regoli u r-regolamenti tal-Fondazzjoni.

Fl-Espressjoni ta’ Interess l-applikanti għandhom jinkludu stqarrija b’dettalji dwar il-kompatibbiltà professjonali tagħhom fir-rigward ta’ dan ir-rwol u kwalunkwe esperjenza relevanti f’dan il-qasam. Għandhom jinkludu wkoll kampjun tax-xogħol tagħhom u proposta dwar rata ta’ ħlas fis-siegħa flimkien ma’ stqarrija ta’ disponibbiltà. L-aġenziji u l-individwi prospettivi għandhom ikunu rreġistrati mad-Dipartiment tal-VAT.

L-Espressjoni ta’ Interess għandha tintbagħat b’email lil [email protected] sa nhar it-Tnejn 6 ta’ Novembru.

Talbiet għal kjarifiki jistgħu jintbagħatu sal-31 ta’ Ottubru 2016.

 

Ir-Responsabbiltajiet Ewlenin

  • L-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni mfasslin apposta għal kull settur artistiku u kulturali.
  • L-ilħiq ta’ udjenzi differenti, inklużi l-parteċipanti, il-ġurnalisti, l-investituri, il-fornituri u l-komunità fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-Fondazzjoni.
  • Il-ħolqien ta’ firxa vasta ta’ materjal ta’ kontenut u ta’ komunikazzjoni permezz ta’ approċċi innovattivi.
  • L-ippjanar ta’ programmi ta’ komunikazzjoni u t-twettiq ta’ riċerka dwar l-attitudnijiet u l-perċezzjonijiet tal-udjenzi mira, biex b’hekk tkompli tinbena reputazzjoni pożittiva għall-Fondazzjoni Valletta 2018.
  • L-identifikazzjoni ta’ liema oqsma ewlenin jenħtieġu titjib u t-tisjib ta’ riċerka importanti li tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-proġetti tal-Fondazzjoni.
  • L-ippjanar tal-kontenut u l-kitba ta’ pubblikazzjonijiet bħal flajers, browxers, fuljetti, volantuni, rivisti, artikli fil-ġurnali u fi bloggs.
  • Il-kitba ta’ stqarrijiet għall-istampa u t-tixrid tagħhom mal-mezzi tal-midja lokali u internazzjonali.
  • L-arranġamenti għal kelliema biex jidhru fuq programmi televiżivi u radjofoniċi lokali.
  • L-iżvilupp, l-eżekuzzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kampanji ta’ reklamar u promozzjoni.
  • L-analiżi tal-istrateġiji promozzjonali ta’ kompetituri u tal-effetti tagħhom fuq il-proġetti tal-Fondazzjoni.

 

Il-Kundizzjonijiet

L-aġenziji u l-fornituri tas-servizzi għandu jkollhom l-ispazju professjonali tagħhom u kwalunkwe assikurazzjoni applikabbli.

B’danakollu minn żmien għal żmien isiru wkoll sessjoniiet ta’ tagħrif jew aġġornamenti fl-uffiċċji tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fil-Belt Valletta.

 

In-Negozjar tal-Kuntratt

Wara li tkun fliet l-istima, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser tinnegozja skop aħħari tax-xogħol, prezz maqbul u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. L-aġenziji/fornituri tas-servizzi jiġu ingaġġati fuq il-bażi ta’ Contract for Service. Madankollu l-Fondazzjoni Valletta 2018 m’għandhiex l-obbligu li tiffinalizza kuntratt.

L-għan ta’ din is-sejħa huwa li l-Fondazzjoni żżid l-Aġenziji jew l-Individwi tal-Komunikazzjoni u l-Kummerċjalizzazzjoni fil-lista tagħha tal-fornituri esterni tas-servizzi msemmija. B’danakollu dan ma jfissirx li dawn il-fornituri ser jiġu ingaġġati żgur mill-Fondazzjoni.

 

L-Espressjoni tal-Interess

Mal-istimi tagħhom il-kandidati għandhom jinkludu:

  • Id-dettalji tal-kuntatt
  • Kampjuni tax-xogħol tagħhom
  • Stqarrija b’dettalji dwar il-kompatibbiltà professjonali u dwar l-esperjenza tagħhom f’dan il-qasam.
  • Lista tas-servizzi tagħhom u t-tarrifi
  • Stqarrija dwar l-impenji u d-disponibbiltà tagħhom