Il-‘Festival Nazzjonali tal-Ktieb’, li jitella’ kull sena, huwa l-iktar avveniment importanti dwar il-ktieb fil-kalendarju Malti. F’dan l-avveniment, il-pubblikaturi, l-awturi, il-ħwienet tal-kotba Maltin u entitajiet oħra relatati mal-kotba b’xi mod jew ieħor, jinġabru f’daqqa taħt saqaf wieħed sabiex jesibixxu l-materjal il-ġdid tagħhom. Dan l-avveniment kien ta’ importanza kbira fil-bejgħ tal-kotba għal bosta snin.

Fl-2013, fl-isforzi tiegħu biex ibiddel id-dehra tal-‘Fiera tal-Ktieb’ minn waħda purament kummerċjali għal avveniment magħruf minħabba l-kontenut edukattiv u kulturali tiegħu, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb żviluppa l-‘Fiera tal-Ktieb’ għall-‘Festival Nazzjonali tal-Ktieb’, bl-inizjattivi kollha relatati magħha.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu pjanijiet serji u ambizzjużi għall-‘Festival Nazzjonali tal-Ktieb’. Għall-Festivals li jmiss, jixtieq jara żieda fil-parteċipazzjoni u kollaborazzjoni internazzjonali, iżjed attivitajiet edukattivi u kulturali u żieda ulterjuri ta’ inċentivi mogħtija lill-awturi, lill-pubblikaturi u lill-organizzazzjonijiet li m’għandhomx skop ta’ profitt. L-element kummerċjali ta’ dan l-avveniment se jinżamm. Madanakollu, jixtieq li l-entitajiet kummerċjali kollha jiffukaw iżjed fuq il-kwalità tal-materjal li qegħdin ibigħu, milli fuq il-kwantità ta’ kotba esebiti u mibjugħa. Il-Kunsill qiegħed jipprova jbiddel l-attitudnijiet u l-perċezzjonijiet tan-nies rigward dan l-avveniment u jinstab ħerqan biex jinfluwenza lin-nies biex iqisu dan l-avveniment annwali, mhux biss bħala post li minnu jistgħu jixtru l-kotba bi prezzijiet vantaġġjużi, iżda li jqisuh bħala esperjenza ta’ arrikkiment kulturali u edukattiv.

Barra minn hekk, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa wieħed mis-serje ta’ komponenti importanti fil-pjan tal-Gvern biex jikklassifika lil Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea għall-Kultura fl-2018 u, f’dan ir-rigward, qiegħed jappoġġja bi sħiħ lill-Kunsill fl-iżvilupp u t-titjib ulterjuri ta’ dan l-avveniment.

Bħala avveniment ta’ skala kbira fuq livell nazzjonali, il-‘Festival Nazzjonali tal-Ktieb’ jista’ jirnexxi biss grazzi għall-għajnuna u l-pariri kontinwi minn esperti ta’ setturi differenti. Bħalissa, is-sottokumitat, immexxi minn Patrick Decelis, jikkollabora bi sħiħ mal-KNK fl-għoti ta’ pariri professjonali, fuq ġbir ta’ rispons minn bosta nies kemm jista’ jkun u f’każijiet partikulari jeżegwixxi wkoll attivitajiet meta u kif tmexxew mill-KNK.

MT Fb post with times