Icon Island huwa proġett ta’ Virgil Widrich – direttur u produttur ċinematografiku Awstrijakk magħruf għall-films sperimentali u x-xogħlijiet multimedjali tiegħu. Il-collage ta’ immaġni viżivi huwa mnebbaħ minn films li jittrattaw il-vjaġġ mistiku u romantiku lejn gżejjer li jirrappreżentaw soċjetajiet alternattivi jew stati mentali differenti. Billi jqajmu diversi mistoqsijiet dwar id-drawwiet lokali u l-identità tal-viżitaturi tagħhom, dawn il-postijiet jistgħu jkunu kemm ġenna tal-art u kemm theddida.

Għadd ta’ immaġni magħżula bir-reqqa – li ħafna minnhom jinkludu rabta ma’ Malta u mal-istorja ċinematika tagħha – ser ikunu projettati bħala taħlita ‘ħajja’, akkumpanjata b’wirja improvizzata ta’ mużika elettronika mill-artist Malti Sonitus Eco. Il-ħsejjes tal-films jerġgħu jiġu mistħajla dak il-ħin stess, bi ħsejjes li jirreaġixxu – jew anki jopponu – l-immaġni.

Icon Island se jittella’ fis-17 ta’ Frar 2018 fit-Teatru Salesjan, Tas-Sliema.