Is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tagħna tibda b’ċelebrazzjoni unika denja tal-Festa tradizzjonali Maltija.

Valletta 2018 hija ċelebrazzjoni eċċitanti ta’ sena – programm kulturali li jibda fil-belt kapitali tagħna u li jinfirex lejn il-bliet u rħula madwar Malta u Għawdex kollha. Il-Ftuħ tagħna jiġbed folol fil-qalba tal-Belt Valletta bil-mużika u d-divertiment, artisti tat-triq u prestazzjonijiet li se jxerrdu l-kelma dwar il-Ftuħ madwar it-toroq tal-kapitali, esibizzjonijiet li se jsiru f’diversi postijiet madwar il-belt, open days li jiskopru mill-ġdid l-ispazji affaxxinanti storiċi tal-Belt Valletta, attivitajiet tal-qari tal-istejjer maħsuba għar-residenti tal-belt u l-ispazji li jużaw, u ħafna aktar.

Fiċ-ċentru tal-festa grandjuża tagħna nsibu l-ferħ, iż-żfin, il-mużika u l-ħolm li jimlew l-erba’ pjazez ewlenin tal-Belt Valletta – Pjazza San Ġorġ, il-Pjazza ta’ San Ġwann, Pjazza Kastilja, u ż-żona madwar il-Funtana tat-Tritoni – fejn il-grupp teatrali Katalan, La Fura dels Baus, se jinvolvi lill-udjenza permezz ta’ akrobaziji ta’ barra, filwaqt li ŻfinMalta joffru prestazzjonijiet taż-żfin kontemporanju. Matul iċ-ċelebrazzjoni tagħna, il-projezzjonijiet diġitali, l-arti tal-vidjow u s-sinfonija tal-kor se jagħtu atmosfera sabiħa u maġika lill-kapitali tagħna. U madwar il-belt kollha, il-baned jivjaġġaw u l-artisti se jwasslu l-festi fit-toroq, filwaqt li jistiednu lir-residenti u lill-viżitaturi minn madwar il-Gżejjer Maltin kollha biex jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni spettakolari.

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ta’ Valletta 2018 se ssir fl-20 ta’ Jannar 2018, filwaqt li ċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ftuħ se jsiru bejn l-14 u l-21 ta’ Jannar madwar il-Belt Valletta.