Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser terġa’ tagħti l-appoġġ tagħha lill-Karnival tas-Sajf – avveniment li kulma jmur matul ix-xhur tas-sajf fil-gżejjer Maltin qiegħed jiżdied fil-popolarità sew mal-komunità Maltija u sew mat-turisti. L-edizzjoni ta’ din is-sena ser issir bejn il-Ġimgħa 19 u l-Ħadd 21 ta’ Awwissu.

Din is-sena il-festi karnivaleski sajfin ser jinkludu għall-ewwel darba parata tal-karnival tul ix-xatt ta’ Marsaskala il-Ħadd 21 ta’ Awwissu mis-19:00 ’l quddiem. Il-bqija tal-programm se jsir bħas-soltu f’Buġibba.

Kemm il-Ġimgħa 19 kif ukoll is-Sibt 20 ta’ Awwissu ser issir il-ġostra tradizzjonali fil-bajja ta’ taħt il-pjazza ta’ Buġibba. Wara jkun hemm défilé u parata tal-karnival tul it-toroq ewlenin ta’ Buġibba. Il-ġostra hija logħba tradizzjonali li tmur lura għal żmien il-Kavallieri. Il-kelma ġostra ġejja mill-kelma Taljana giostra, li tfisser turnew. Għalina l-Maltin, però, tfisser logħba li fiha jintrama arblu twil midluk bix-xaħam fuq barkun jew moll. Il-kompetituri mbagħad jitilgħu miegħu biex jilħqu bnadar li jkunu tpoġġew man-naħa ta’ fuq tiegħu biex jirbħu premju, filwaqt li dawk li jiżolqu jispiċċaw fil-baħar fost id-daħk tal-ispettaturi.

Din is-sena fid-défilé u fil-parata tal-karnival ser jieħdu sehem seba’ kumpaniji taż-żfin bil-kostum. L-atmosfera tkompli tingħata l-kulur bi ħdax-il karru tal-karnival ġdid li nħolqu apposta għal din l-attività.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tas-Sajf jiġu organizzati mill-Kunsill Malti għall-Arti bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-kunsilli lokali ta’ San Pawl il- Baħar u ta’ Marsaskala.