Bħala parti mill-proġett ‘Il-Warda tar-Riħ’ (The Wind-Rose Project), The Rubberbodies Collective, flimkien ma’ Valletta 2018 u Spazju Kreattiv, qed tħejji wirja ta’ skulturi, Il-Pinnuri, mfassla fuq memorji miġburin minn kull kantuniera tal-arċipelagu Malti. Wara sensiela ta’ diskussjonijiet ma’ erba’ komunitajiet lokali, laqgħat u attivitajiet imsawwrin fuq l-element tad-diżinn, l-artisti tar-RBC se jħabbru r-riżultati tar-riċerka tagħhom permezz tal-iskultura. Essenzjalment, dan huwa xogħol li jfittex li jitfa’ dawl fuq relazzjonijiet antiki tal-Maltin mal-element tar-riħ u ma’ ritmi naturali.

Mit-twemmin lid-daqq tal-qniepen kellu s-saħħa jikkalma l-irwiefen, u li ż-żmien ta’ meta jpassu l-għasafar jista’ jitbassar minn qabel, u l-fatt li l-qtates jinħaslu skond id-direzzjoni tar-riħ, huma kollha aspetti li jagħmlu parti minn dan il-proġett. Dan hu fil-fatt l-iskop tal-proġett Il-Warda tar-Riħ, fejn it-tradizzjonijiet u t-twemmin li ilhom jitħaddnu għal mijiet ta’ snin se jingħataw l-ispazju li jistħoqilhom.

Ir-RBC għalhekk se tippreżenta erba’ skulturi, waħda għal kull lokalità u fejn kull waħda hija espressjoni tal-memorji u r-relazzjoni tl-komunità mar-riħ.