Matul is-sena tal-kultura 2018, il-Fondazzjoni Valletta 2018 se tkun qiegħda tappoġġja l-musical Island of Enchantment – musical oriġinali minn Gozo Live dwar tema partikolarment rilevanti għall-gżira Għawdxija. Gozo Live ser ittella’ dan il-musical matul tmien ġimgħat sħaħ fiċ-Ċittadella tar-Rabat, dejjem b’żewġ wirjiet kull ġimgħa.

Il-musical ser jinħadem bil-kontribut kreattiv ta’ bosta residenti Għawdxin, fosthom atturi, kantanti, mużiċisti, żeffiena, ħaddiema wara l-kwinti u diretturi. Il-proġett ser juri t-talent artistiku u mużikali Għawdxi filwaqt li jinterpreta storja ferm rilevanti għall-gżira. Barra minn hekk, il-parteċipanti ser ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet partikolari tagħhom fir-reċtar jew fiż-żfin, fid-daqq ta’ strumenti mużikali jew inkella fil-kant.

Gozo Live ser tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tar-residenti ta’ Malta u t’Għawdex kif ukoll tat-turisti. Il-musical għandu joffri lill-udjenza pakkett ta’ divertiment għal serata sħiħa. Ser ikun hemm trasport bil-lanċa u bix-xarabank minn diversi lukandi u B&Bs. Wara kull wirja ssir ikla f’ristorant magħżul. Fi tmiem il-lejla ser ikun hemm ukoll trasport lura għall-ispettaturi.

Island of Enchantment hija interpretazzjoni mużikali friska dwar in-narrattiva Ulisse-Calypso, u għaldaqstant qabelxejn titratta storja lokalment relevanti. Manankollu, l-membri ta’ Gozo Live huma fiduċjużi li dan il-musical Għawdxi jista’ jittella’ f’kull lok ieħor fid-dinja. Għaldaqstant, il-Fondazzjoni Valletta 2018 tittama li dawn il-wirjiet quddiem udjenza wiesgħa jiftħulhom il-bieb għal opportunitajiet biex imorru jsaħħru udjenzi ġodda barra xtutna.