F’din il-prestazzjoni ibrida immersiva diretta minn Elli Papakonstantinou, viżwali, mużika, test u intervisti jingħaqdu sabiex jiffurmaw taħlita Barokka li hija mimlija passjoni, innoċenza, logħob tal-azzard u nuqqas ta’ fiduċja. Każin Barokk tmiss ħafna sorsi, inkluż The Gamester ta’ Regnard, The Queen of Spades ta’ Pushkin u The Gambler ta’ Dostoyevsky.

Hekk kif kast dekadenti ta’ maħbubin, qaddisin u midinbin jimxu fil-prestazzjoni li qisha labirint, din il-biċċa xogħol issir esperjenza ta’ tiftix fir-ruħ li tistieden udjenzi kontemporanji sabiex jinfluwenzaw l-istruttura tagħha filwaqt li jesploraw l-estetika Barokka tal-Belt Valletta. Kollaborazzjonijiet ma’ studenti, artisti u prattikanti lokali joħolqu konnessjoni flessibbli bejn it-tradizzjoni Barokka Maltija u s-soċjetà kontemporanja, bejn l-arti popolari u l-arti fina.

Każin Barokk se tittella fl-14, 15 u 16 ta’ Settembru  f’Bieb is-Sultan fil-Birgu. L-isem mogħti għal din ir-rappreżentazzjoni huwa logħba ħelwa bil-kliem. Każin – li huwa bar lokali, iżda jfakkarna wkoll fil-kelma ‘casino’. Barokk tirreferi għall-perjodu Barokk fl-arti u fil-mużika, minn madwar l-1600 sa’ madwar l-1750, li kien ikkaratterizzat minn ornamentazzjoni elaborata u sforzi biex jinħolqu effetti drammatiċi, iżda wkoll it-taħlita ta’ kulturi u identitajiet. Din tal-aħħar hija tipikament dak kollu li jiddefinixxi l-kultura Maltija, minħabba l-post tagħha, l-istorja tagħha u l-globalizzazzjoni. Ir-rappreżentazzjoni tesplora jekk u kif il-kultura Maltija qed “tintlagħab” bħal logħba tal-azzard.

Din twiegħed li tkun vjaġġ ta’ tiftix tar-ruħ fejn l-arti, in-nies, ir-robotika, il-passat, il-preżent u l-futur jingħaqdu biex jiffurmaw ‘taħlita Barokka’ bbażata fuq identitajiet lokali u kontemporanji. L-udjenza se jkollha esperjenza viżwali fejn jikkontrollaw il-funzjonijiet u japprezzaw il-kumplessità tas-set.

N.B. Din l-attività mhix aċċessibbli bis-siġġu tar-roti.

Avviż: F’din l-attività jintużaw strobe lights.