Il-Fondazzjoni Valletta 2018 bi pjaċir tħabbar opportunità unika għal żeffiena tal-Hip Hop f’Malta biex jaħdmu taħt id-direzzjoni ta’, u jiżfnu ma’ Kentaro!!, iż-żeffien espert tal-Hip Hop Ġappuniż u ma’ Tokyo Electrock Stairs għal “Gravity/Distorted Vision” (titolu ta’ ħidma), prestazzjoni li se ssir fl-2018.

Qed infittxu 3 sa 4 żeffiena tal-hip hop, preferibbilment maskili, iżda żeffiena femminili jiġu kkunsidrati wkoll. Il-provi se jsiru fis-6 ta’ Awwissu 2017 bejn l-10:00AM-2:00PM fl-istudjow taż-żfin fil-FitnessPoint Gym, The MIDI Sliema Wanderers Sport Complex, Tigne Point, Sliema. Iż-żeffiena huma mħeġġa li jiġu kmieni biex jirreġistraw u jieħdu n-numru tagħhom, jagħmlu l-warm-up u jsibu posthom. Il-bibien se jinfetħu fid-9:30AM.

Iż-żeffiena huma meħtieġa jġibu magħhom flixkun tal-ilma, jilbsu ħwejjeġ taż-żfin komdi u żarbun/papoċċ taż-żfin li ma jimmarkax l-art tal-istudjow taż-żfin. Mhux permessi kpiepel, nuċċalijiet tax-xemx jew chewing gum matul il-workshop u matul il-provi (sakemm iż-żeffien ma jkunx se juża kappell jew nuċċali tax-xemx bħala prop matul il-biċċa xogħol ta’ minuta).

Għandha tiġi ppreparata biċċa xogħol ta’ minuta fil-każ li tkun meħtieġa bħala parti mill-prova. L-ewwel se jsir workshop ta’ 90 minuta ma’ Kentaro!!, li se jiġi segwit mill-provi. Iż-żeffiena se jiġu mistennija jagħtu prestazzjoni skont dak li jkunu tgħallmu mill-workshop u possibbilment jiżfnu l-biċċa ta’ minuta tagħhom stess. Iż-żeffiena huma meħtieġa li jġibu l-mużika tagħhom fuq CD jew USB b’isimhom fuqha u jippreżentawha meta jirreġistraw qabel il-workshop.

Biex tirreġistra jekk jogħġbok ibgħat email b’espressjoni ta’ interess li tinkludi CV, isem sħiħ u numru tal-Karta tal-Identità, u informazzjoni  ta’ kuntatt (inkluż numru tal-mowbajl) fuq [email protected].