L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju (Friends of the Crib – Malta) tistinka biex tmexxi ’l quddiem il-presepju Malti bħala l-attrazzjoni ewlenija tax-xena tal-Milied Malti, kemm mill-aspett reliġjuż u kemm mill-aspett artistiku u folkloristiku.

Wara li kisbet l-appoġġ uffiċjali tal-Fondazzjoni Valletta 2018, din l-assoċjazzjoni Maltija issa ser tagħmel pass ’l quddiem billi tlaqqa’ flimkien lill-Assoċjazzjonjiet Ewropej tal-Presepji għal laqgħa f’Malta. L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju tispera li billi tħallat it-tradizzjoni Maltija ma’ dik ta’ pajjiżi oħrajn ser tkun qed tgħin lill-pubbiku jifhem illi għadd li s-soltu l-presepju jattira bil-kbir lit-tfal, dan joffri wkoll lill-adulti u lill-artisti qasam fertili fejn jistgħu jiżviluppaw it-talenti kreattivi tagħhom.

Il-proġett tnieda matul il-Kungress Dinji tal-Ħbieb tal-Presepju f’Bergamo, l-Italja, f’nofs Ottubru 2016. Il-laqgħa ser issir fuq ħamest ijiem (7 – 11 ta’ Novembru 2018) u ser tinkludi diskussjonijiet dwar il-Kultura tal-Presepji tal-Milied fl-Ewropa, żjarat iggwidati fil-Belt Valletta, fl-Imdina u possibbilment ukoll fil-Birgu, tliet esebizzjonijiet ta’ presepji u arti relatata u kunċert vokali minn kor Malti stabbilit. Il-parteċipazzjoni lokali fis-sessjonijiet ta’ diskussjoni ser tkun possibbli biss bi stedina mill-għaqda, iżda l-pubbliku ġenerali u t-turisti ser ikunu jistgħu jżuru l-wirjiet u jattendu l-kunċert.

Dan il-proġett igawdi wkoll l-appoġġ tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u tal-International Council of the World Federation of Friends of the Crib (Universalis Foederatio Praesepistica).

Mhemmx xi ngħidu, iċ-ċelebrazzjoni tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 ser toffri l-aqwa sfond għall-ospitaġġ ta’ avveniment bħal dan.