Il-Fondazzjoni Valletta 2018 bħalissa qiegħda tappoġġa t-tielet Malta International Organ Festival li ser jittella’ bejn id-19 ta’ Novembru u d-9 ta’ Diċembru 2016.

Matul dan il-festival ser nisimgħu wħud mill-aqwa siltiet mużikali li qatt inkitbu għar-Re tal-Istrumenti – l-orgni. Dawn is-siltiet ser jinġiebu lilna fil-knejjes u fil-katidrali tagħna permezz ta’ mużiċisti primi u magħrufa mad-dinja kollha.

Il-patrimonju kulturali spiss jiġi strettament assoċjat mal-mużewijiet u mas-siti arkeoloġiċi. B’danakollu Malta għandha assi ta’ patrimonju kulturali ferm usa’, fosthom il-mużika, il-knejjes kif ukoll il-katidrali.

Il-bini ta’ Malta moderna beda mal-miġja tal-Kavallieri, b’mod speċjali wara tmiem l-Assedju l-Kbir tal-1565. Minn hemm ’l hemm il-pajsaġġ tal-arċipelagu, li ftit li xejn kien għadda minn kambjamenti, inbidel b’mod li ma jingħarafx minn żmien il-prejstorja. Inbnew il-fortifikazzjonijiet u postijiet mill-isbaħ mentri żviluppa wkoll netwerk ta’ bliet u villaġġi żgħar – ilkoll kemm huma bi knisja fil-qalba tagħhom.

Dawn il-bliet u l-villaġġi żgħar illum isawru ċ-ċentru storiku tal-pajsaġġ urban tal-arċipelagu Malti. Bosta minnhom ser jospitaw il-Malta International Organ Festival. L-arti dejjem lagħbet rwol kbir fil-kultura Maltija, u għaldaqstant l-organizzaturi għandhom l-għan li l-programm rikk li tfassal għal din l-okkażjoni jservi ta’ appoġġ għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ dan l-avveniment li issa sar parti regolari mill-kalendarju kulturali Malti.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw onlajn jew inkella mill-Embassy Cinema tal-Belt Valletta.

Għal iżjed tagħrif ibgħat email fuq [email protected] jew żur il-paġna tal-Facebook tal-festival.