Il-ħdax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed ser tittella’ nhar il-Ħamis 25, il-Ġimgħa 26 u s-Sibt 27 ta’ Awwissu ġewwa l-Forti Sant Iermu, il-Belt Valletta mit-8.00 pm ’l quddiem. Matul dawn it-tliet serati mistennija jaqraw bosta awturi distinti minn diversi pajjiżi. Il-Festival ser jinkludi wkoll tliet mużiċisti jazz u gruppi ta’ mużika alternattiva, kotba għall-bejgħ kif ukoll ikel u xorb. Id-dħul għall-avvenimenti kollha huwa bla ħlas.

L-awturi li kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom huma Samantha Barendson (Franza), Roja Chamankar (Iran), Rodolfo Häsler (imwieled Kuba iżda jgħix Barċellona), Elias Khoury (Lebanon), Ciwanmerd Kulek (reġjun Kurd, it-Turkija), Marc Nair (Singapore), Abderrahim Sail (Marokk), and l-poeti lokali Joe P. Galea, Daniel Massa, Rita Saliba, Mark Vella u Abigail Ardelle Zammit.

Il-festival jinkludi ukoll films tal-poeżija li jagħmlu parti minn Poetry on Film. inizjattiva ta’ Valletta 2018 b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed. Dan il-proġett innovattiv jittratta l-poeżija Maltija b’mod ċinematografiku billi jinseġ poeżiji bil-Malti f’film. B’danakollu l-poeżiji jkunu biss il-punt tat-tluq għax id-diretturi jibqgħu dejjem liberi li jinterpretaw xogħol il-poeti b’mod dinamiku permezz tal-arti viżiva, l-azzjoni u l-mużika.

Il-kittieb u poeta Malti Immanuel Mifsud nieda dan il-proċess billi għażel diversi poeżiji minn Lillian Sciberras u Ray Mahoney bħala rappreżentanti tal-poeżija/letteratura Maltija tat-tmeninijiet. F’Marzu dawk interessati attendew workshop immexxi minn Yasmin Fedda (Highlight Arts) u wara nfetħet sejħa uffiċċjali għat-tressiq tal-proposti. Minn fost disa’ proposti l-ġurija għażlet il-poeżiji Meta Tiġi MariRos ta’ Lillian Sciberras u Tibqa’ Int ta’ Ray Mahoney. Il-versi ta’ Sciberras ġew addattati għal film bl-istess titlu minn Shadeena Films mid-direttur Martin Bonnici filwaqt li Gilbert Calleja u Matthew Attard ibbażaw il-film tagħhom LMOL fuq il-poeżija ta’ Mahoney.

Tiġi MariRos ser jintwera waqt l-Ħamis 25 ta’ Awwissu filwaqt li LMOL ser jintwera is-Sibt 27 ta’ Awwissu.

Din il-11-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, flimkien mal-laboratorju tat-traduzzjoni tal-Literature Across Frontiers, qed jittellgħu minn Inizjamed bħala parti mill-proġett Literary Europe Live, ikkofinanzjat mill-programm Creative Europe tal-UE, u kkordinat minn Literature Across Frontiers. Il-Festival qed jittella’ bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Heritage Malta, l-Għaqda tal-Malti – Università, u Highlight Arts.

Il-Festival għandu s-siġill ta’ kwalità EFFE.