Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tappoġġja Merħba Sengleana, festival immexxi mill-komunità li jiċċelebra n-nisġa u r-realtajiet kulturali tal-Isla. Imfassal u żviluppat bl-appoġġ tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali (DLG) u l-Kunsill Lokali tal-Isla, Merħba Sengleana jiċċelebra l-komunità permezz tal-arti, il-kultura u l-identità.

Flimkien ma’ assoċjazzjonijiet, klabbs, artiġjani u artisti, il-festival jieħu min-narrattiva u l-wirt tal-post biex jinseġ l-istorja u l-kuntest kulturali tiegħu permezz ta’ sens ta’ ambizzjoni, skop u legat. Il-festial ta’ ġurnata se joffri varjetà ta’ attivitajiet li se jappellaw lill-pubbliku ġenerali kif ukoll lir-residenti u l-viżitaturi.

Merħba Sengleana se jingħata bidu b’kowċing tal-futbol 5-a-side għal tfal u żgħażagħ fil-venda tal-Isla, li jiġi segwit bl-ewwel kampjonat ‘Tazza Cottoner’ fil-11am. Ma nżul ix-xemx id-dwal tal-pjazza se jintfew u l-pubbliku jiġi mistieden jilgħab fuq pitch mixgħul bl-LEDs u ballun fluworexxenti.

Fis-2pm, ir-Regatta Club se jagħmel slack line mal-Barkun, u se jiftaħ il-bibien tiegħu biex il-pubbliku jiskopri u jitgħallem dwar ix-xogħol, is-sengħa u l-atletiċiżmu tad-dinja tar-Regatta.

Fin-naħa tax-Xatt tal-Isla, artisti u artiġjani se juru x-xogħlijiet tagħhom, il-proġetti tar-restawr u l-bini u x-xogħol tal-mudelli, kif ukoll joffru approċċ prattiku permezz ta’ bosta workshops tax-xogħol tagħhom u ta’ forom tal-arti mit-3pm ’il quddiem.

Triq is-Sirena se tkun miksija xemgħat li jdawlu l-Belvedere li jħares lejn il-port, li se jkun trasformat f’baħar ta’ fjuri, anġli, sħab u miti magħmula mill-karti. It-tfal se jiġu mistiedna jinvolvu ruħhom mal-artisti kif ukoll joħolqu xogħlijiet tagħhom infushom matul il-workshops ta’ wara nofsinhar. Filgħaxija l-pubbliku se jiġi mistieden jisma’ duo lajv rilassanti, filwaqt li jixrob tazza inbid u jiekol l-ikel waqt li jgawdi minn veduti spettakolari.

Fin-naħa tal-Maċina, ix-Xatt se jospita l-Boċċi, l-Għana, ikel Malti, arti u l-għasafar fil-Cottonera Żabbar Homing Union kif ukoll narrattiva viżiva tat-tbaħħir mill-Għaqda Dilettanti Sajjieda u Barklori.

Matul nofsinhar u filgħaxija, il-pubbliku se jara artisti tat-triq kif ukoll marċ tal-banda u karnival ta’ perkussjonijiet li se jivvjaġġaw madwar il-lokalità, u l-qofol favorit tal-pubbliku, il-Ġostra! Din se tiġi armata fiċ-ċentru tax-xatt u tinkesa fix-xaħam, fis-6pm.

Il-pubbliku huwa wkoll mistieden jesplora t-toroq u t-turġien dojoq matul is-serata, hekk kif grupp ta’ artisti mill-Isla se jiftħu l-kmamar tad-djar tagħhom f’galleriji tal-arti, b’rotta artistika li tesplora s-sigrieti u l-grandjożità moħbija tat-toroq tal-Isla bil-lejl.

Is-simmetrija tat-turġien tal-Miġja tal-Papa fuq ix-Xatt se jintużaw biex iservu bħala punt ta’ referenza u palk għall-kunċert finali tal-festival, iżda mhux qabel jospita truppa ta’ żeffiena żgħażagħ kif ukoll ċelebrazzjoni u pubblikazzjoni ta’ narrattiva kulturali u storika ta’ Senglea Citta Invicta mill-komunità nnifisha. Il-festival se jiġi ppreżentat minn Chiara.

L-artisti u l-artisani ta’ Merħba Sengleana se jilqgħu tfal, żgħażagħ u adulti biex jipparteċipaw u jesperjenzaw ix-xogħol tagħhom, biex jinvolvu u jrawmu narrattivi qodma ma’ djalogu ġdid.

Merħba Sengleana huwa festival u ċelebrazzjoni tan-nies, min-nies u għan-nies.