Żviluppat b’mod konġunt bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Heritage Malta, il-proġett ta’ parteċipazzjoni ċivika Naqsam il-MUŻA huwa eżerċizzju għall-kuraturi komunitarji. F’din l-attività membri mill-komunità tal-Gżira ser jagħżlu u jippreżentaw xogħlijiet artistiċi mill-kollezzjoni tal-arti li ser tkun għall-wiri dalwaqt f’MUŻA.

Wara l-edizzjonijiet reċenti tiegħu f’lokalitajiet oħrajn bħall-Marsa u l-Kalkara, Naqsam il-MUŻA ser jerġa’ jkun fit-toroq – din id-darba f’dawk tal-Gżira. Dan il-proġett ilaqqa’ diversi membri tal-komunità sabiex jitkellmu dwar liema biċċa arti mill-kollezzjoni nazzjonali tolqothom l-iktar. Imbagħad jidentifikaw spazju fil-lokalità sabiex jesebixxu l-biċċa li tkun l-aqtithom l-iktar, u b’hekk ipoġġu l-arti fil-qalba tal-komunità.

L-istallazzjloni tal-Gżira mistennija tittella’ fis-17 ta’ Novembru, iżda din id-data previżorja tista’ tinbidel. L-istallazzjoni ser tibqa’ preżenti sa Diċembru. Ser tittella’ wkoll prestazzjoni speċjali f’kollaborazzjoni ma’ Studio 18 fl-20 ta’ Novembru madwar il-lokalità kollha. Lok il-laqgħa għall-prestazzjoni ser ikun Pjazza Turu Colombo, kif tidħol fl-Iskola Primarja tal-Gżira tal-Kulleġ ta’ Santa Klara fl-10.00 am u f’nofsinhar.