Notte Bianca, il-lejl festival ta’ arti u kultura, mistenni jimla l-Belt Valletta bl-attività tul il-lejl tas-Sibt l-1 ta’ Ottubru. Organizzat mit-tim tan-Notte Bianca u mill-Kunsill Malti għall-Arti, din is-sena, il-festival se jerġa’ jagħti l-ħajja lit-toroq u l-postijiet kulturali tal-kapitali bis-saħħa ta’ programm imfassal bir-reqqa u mżewwaq b’varjetà ta’ esperjenzi u divertiment. Ġaladarba l-2016 timmarka t-tielet sena fil-vjaġġ lejn Valletta 2018 – il-Kapitali Kulturali Ewropea, in-Notte Bianca ta’ din is-sena ġiet organizzata b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Din is-sena n-Notte Bianca ser tersaq lejn id-dinja tal-midji ġodda u diġitali biex toħloq edizzjoni iżjed profonda. Fost l-avvenimenti diġitali hemm Fil-Kju – esperjenza ta’ realtà awmentata. Billi jiskenjaw kodiċi apposta fl-ismartphones tagħhom, dawk li jżuru l-Belt ser jiskopru poeżiji moħbija madwar il-belt kollha. Il-Belt Valletta qatt ma kienet daqstant poetika.

L-istallazzjoni interattiva Ġejja Dgħajsa se tesplora t-tifsir u s-simboliżmu marbut mad-dgħajjes.  L-istallazzjoni ser tuża vapuri tal-karti marbuta ma’ lasti tal-metall li jixgħelu u jiċċaqalqu appena xi ħadd imisshom. Imnebbħa mill-fraġilità tad-dgħajjes, l-istallazzjoni għandha l-għan li tibda diskussjoni dwar it-tama, il-biża’ u t-tolleranza.

Planċieri Diġitali hija esperjenza fir-realtà virtwali li se twaħħad l-arti qadima ma’ dik moderna.  Numru ta’ artisti tradizzjonali minn sfond differenti se jidħlu fid-dinja diġitali biex jesploraw l-arti tagħhom fi tliet dimensjonijiet. Ser naraw iż-żeba’ tifflowtja u tleqq fl-ajru.

FestaFestun hija stallazjoni diġitali tad-dawl ta’ Andrew Schembri dwar ikona tal-kultura Maltija: il-festun. Din ser tippermetti lill-pubbliku jikkontrollaw firxa ta’ elf bozza lkoll kmandabbli waħda waħda tul Strada Rjali kollha sabiex jinħolqu immaġnijiet viżivi grandjużi kollhom moviment u kulur.

Avvenimenti diġitali oħrajn jinkludu Bieb il-Bombi – lejl sħiħ ta’ stallazzjoni intelliġenti ta’ dawl akkumpanjata bil-ħsejjes ta’ DJ mużikali fuq Bieb il-Bombi fil-Furjana.

Design4DCity ser jippreżenta esperiment fl-iskambju tal-għarfien u l-ispazju pubbliku. L-attivisti Urban Action, li huma bbażati f’Berlin, ser jorganizzaw workshop ta’ erbat ijiem li għandu jilħaq il-milja tiegħu fi preżentazzjoni dwar ideat li jistgħu joħolqu ambjent urban iżjed intriganti. Matul il-proġett ser naraw id-debutt f’pajjiżna tad-dwett Pariġin Nanotak li huma l-iżjed magħrufa għall-ħolqien ta’ atmosfera ta’ ħsejjes u dwal eteriċi li jassorbu lill-pubbliku bħal ħolma.

Il-mużiċist Malti Mario Sammut, magħruf bħala Cygna, ser jagħti l-kontribut tiegħu bi ħsejjes ambient ta’ laqta sinfonika. Fl-2011 Sammut nieda l-album Opus Enaat fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti. Huwa ħa sehem f’bosta festivals internazzjonali tal-arti fl-Ewropa fosthom Glastonbury fir-Renju Unit, Aurora fil-Greċja, Sun festival fl-Ungerija, Hadra fi Franza.

ŻiffaŻfin ukoll se jirritorna b’attenzjoni fuq iż-żfin kontemporanju.  Minħabba li l-2016 rat il-mewt ta’ żewġ leġġendi mużikali, dawk li jħobbu l-mużika se jkunu jistgħu igawdu wkoll tislima bil-kitarra lil David Bowie u Prince f’Saħħa Bowie, Saħħa Prince.

Għal aktar tagħrif żur www.lejlimdawwal.org.

Notte Bianca qiegħda tiġi organizzata mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, TVM u MSV Life.