Tixtieq tkun parti mit-tim tagħna għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ta’ Valletta 2018 u taħdem mill-qrib mal-kumpanija tat-teatru Spanjola magħrufa madwar id-dinja La Fura dels Baus? Qed infittxu parteċipanti biex jingħaqdu magħna u jkunu parti minn dan il-proġett eċċitanti.

DWAR L-ATTIVITÀ TAL-FTUĦ

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tagħna se tattira folol kbar fil-qalba tal-Belt Valletta fejn se nkunu qed niċċelebraw festa kbira bid-divertiment, żfin, mużika u briju li se jimlew l-erba’ pjazez ewlenin tal-Belt Valletta: Pjazza San Ġorġ, il-Pjazza ta’ San Ġwann, Pjazza Kastilja u ż-żona madwar il-Funtana tat-Tritoni li reċentement ġiet restawrata, fejn La Fura dels Baus se jagħtu spettaklu inkredibbli.

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ se ssir nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar 2018, bi spettakli jibdew mis-7pm ’il quddiem. La Fura dels Baus se jagħtu l-wirja tagħhom ħames darbiet fl-istess serata biex jippermettu li udjenza usa’  ssegwi dan l-mument speċjali.

INFORMAZZJONI GĦALL-PARTEĊIPANTI

L-applikanti jridu jkunu attivi u avventurużi, ikollhom 18-il sena jew aktar, u jkunu disponibbli kompletament fil-ġranet kollha li ġejjin hawn taħt.

Provi: 14 – 20 ta’ Jannar 2018

Data tal-ispettaklu: 20  ta’ Jannar 2018 – il-ħin għall-parteċipanti għad irid jiġi determinat mill-Fondazzjoni

Kopertura minħabba t-temp: Il-parteċipanti huma mistennija jżommu l-21 ta’ Jannar 2018 disponibbli minħabba t-temp

Se tingħata prijorità speċjali għal dawk ta’ piż bejn is-60 u t-80 kilo (minħabba rekwiżiti tekniċi) u li ma jibżgħux mill-għoli, madankollu jekk ma tikklassifikax ruħek f’dawn il-kriterji xorta waħda tista’ tkun parti minn dan il-proġett eċċitanti. Qed infittxu wkoll parteċipanti għal rwoli oħra għall-dan il-proġett ta’ La Fura dels Baus.

Il-parteċipanti kollha għandhom bżonn ikunu preżenti għall-provi kollha msemmija hawn fuq, u jridu wkoll isegwu regolamenti stretti tas-saħħa u s-sigurtà.

Rimunerazzjoni:   Se jkun hemm ħlas onorarju għall-parteċipanti magħżula għall-impenn u l-ħin tagħhom.

Kif għandek tapplika

Imla l-formola tal-applikazzjoni li tinsab f’din il-ħolqa, u ejja għall-prova fit-18 ta’ Novembru 2017 (se nikkonfermaw il-post għall-provi u nibagħtulkom l-informazzjoni kollha permezz ta’ email qabel il-provi wara li tkun applikajt). L-ispazji huma limitati u l-għażla se ssir skont ir-rekwiżiti tal-ispettaklu.

Data ta’ skadenza għall-applikazzjoni: 16 ta’ Novembru 2017, nofsinhar.

Jekk għandek iktar mistoqsijiet, toqgħodx lura milli tikkuntattjana fuq special.events@valletta2018.org.

 

DWAR THE HUMAN NET:

 The Human Net huwa l-isem li La Fura dels Baus għażel biex jirreferi għal element teatrali li jinvolvi l-inġinerija innovattiva kapaċi li tiġġenera koreografija tal-ajru li fiha numru kbir ta’ parteċipanti huma involuti, marbuta u mdendla fl-ajru.

​L-ispettakolarità ta’ dan l-element huwa definit bil-possibbiltajiet diversi ta’ trasformazzjoni u evoluzzjoni tal-atturi mdendla minnha.

DWAR LA  FURA  DELS  BAUS

La Fura dels Baus huwa grupp teatrali Spanjol imwaqqaf fl-1979 f’Barċellona, magħruf għat-teatru urban, l-użu ta’ postijiet mhux tas-soltu u n-nuqqas ta’ konfini bejn l-udjenza u l-attur.

Il-kumpanija tiffoka fuq l-eċċentriċità, l-innovazzjoni, l-adattament, ir-ritmu, l-evoluzzjoni u t-trasgressjoni. Essenza karatteristika u unika bħal din wasslet biex il-kumpanija tkun minn ta’ quddiem fil-kunċettwalizzazzjoni mill-ġdid ta’ tnejn mill-aktar aspetti sinifikanti tal-arti drammatika: l-ispazju teatrali u l-pubbliku. Għalhekk, rispettivament, taw definizzjoni mill-ġdid lill-ispazju billi għamluh mhux konvenzjonali – u biddlu r-rwol tal-pubbliku minn wieħed passiv għal wieħed attiv, b’hekk kissru r-“raba’ ostaklu”. U l-fatt li m’hemm l-ebda ħolqien mingħajr riskju – premessa li eżistiet mill-bidu, sa mill-ewwel spettakli fit-triq tagħhom, fejn l-essenza awtentika ta’ La Fura dels Baus twieldet. Il-kurżità u l-ħtieġa li jiġu esplorati tendenzi artistiċi ġodda ġew żviluppati, permezz ta’ proċess ta’ ħolqien kollettiv, lingwa, stil u estetika uniċi. Illum il-ġurnata, din tissejjaħ il-“Lingwa Furana”, li ġiet implimentata f’ġeneri artistiċi differenti bħall-opra, iċ-ċinema u prestazzjonijiet fuq skala kbira.

Sa mill-bidu tad-90ijiet, il-kumpanija ddiversifikat l-isforzi kreattivi tagħha, u mxiet lejn l-oqsma tad-dramm miktub, it-teatru diġitali u t-teatru tat-triq, b’rappreżentazzjonijiet tat-teatru kontemporanju u l-opra, u bil-produzzjoni ta’ avvenimenti korporattivi. La Fura pproduċew iċ-ċerimonja tal-ftuħ għall-Olimpijadi ta’ Barċellona tal-1992 u ħadmu għal kumpaniji bħal Pepsi, Mercedes Benz, Peugeot, Volkswagen, Swatch, Airtel, Microsoft, Absolut Vodka, Columbia Pictures, Warner Bros, the Port of Barcelona, Telecom Italia u Sun Microsystems.

 

Uroboro credit 'La Fura dels Baus'

Uroboro – La Fura dels Baus