Keita Onishi huwa artist żagħżugħ Ġappuniż li jipproduċi stallazzjonijiet u xogħlijiet vidjo relatati ma’ kompożizzjonijiet mużikali. Wara li lesta l-istudji postgradwatarji tiegħu fit-Tokyo National University of Fine Arts and Music, Onishi esebixxa bosta stallazzjonijiet ta’ immaġnijiet jiċċaqalqu, animazzjoni u ħsejjes f’diversi avvenimenti u festivals internazzjonali, fosthom Sydney, Melbourne, Denver, San Diego u Tokjo.

Keita Onishi ġie mistieden f’Malta biex jieħu sehem fil-ħames edizzjoni ta’ Divergent Thinkers, li ser tiġi inawgurata fil-21 ta’ Ottubru fil-Mużew Marittimu fil-Birgu. Fil-Birgu ser jurina l-vidjo mużikali Dynamics of the Subway li kien ipproduċa għal diska mill-ewwel album ta’ Haisuinonasa Animal Bodies (2012). Dan ix-xogħol ta’ animazzjoni huwa magħmul minn forom ġeometriċi li jikkorrispondu mat-tessut tal-ħsejjes mużikali u jimxu mad-diska b’mod sinkronizzat. Fl-2012 Dynamics of the Subway rebħet in-New Face Award fil-Japan Media Arts Festival.

Fid-19 ta’ Ottubru mis-18.00 ’l quddiem Keita Onishi ser jagħti wirja fl-Awla Magna, Valletta Campus, fl-Università ta’ Malta.