Tikka Banda, imwaqqfa mill-mużiċist Justin Formosa u ħbieb tiegħu fl-2013 hija band b’formazzjoni żgħira magħmula minn elementi tradizzjonali bandistiċi Maltin, bl-iskop li bi ftit nies twassal ħoss tradizzjonali u bil-preżentazzjoni tagħha tagħti toma tal-festa u l-mużika Maltija tul is-sena kollha. F’dawn l-ahhar xhur, Tikka Banda evolviet, fejn flimkien ma’ 10 mużiċisti u 4 żeffiena qed iwasslu l-mużika Maltija u anke internazzjonali fi spettaklu b’mod kontemporanju u interattiv.
Din is-sena waqt il-Valletta Green Festival Tikka Banda ser tkun qed tippreżenta proġett interattiv għat-tfal fi Pjazza San Ġorġ bl-isem #barralklassi.
#barralklassi huwa programm ta’ 20 minuta ta’ divertiment immirat għat-tfal fejn dawn ser ikollhom l-opportunita` li jduqu l-kultura Maltija permezz ta’ umoriżmu, logħob, arti u fuq kollox … mużika. Dan il-programm ser jinkludi storja qasira, b’narrazzjoni bil-Malti u bl-Ingliż, fejn Tikka Banda ser isservi ta’ pjattaforma versatili u anke tradizzjonali. Din l-attivita` ser tibda fil-11.30am u t-tfal huma mistiedna jipparteċipaw tul is-sessjoni kollha. Flimkien magħhom ser ikun qed jingħaqad ukoll il-karattru ferrieħi Mr Treble flimkien ma’ sħabu.
Fi tmiem il-programm it-tfal ser ikolhom iċ-ċans li jipparteċipaw ma’ Tikka Banda b’daqq ta’ strumenti magħmulin minn materjal riċiklat.