Wieħed mill-proġetti tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li ntlaqa’ b’entużjażmu kbir huwa l-Valletta Green Festival – avveniment ta’ matul tmiem il-ġimgħa li jibdel wieħed mill-ikbar spazji miftuħin tal-Belt – Pjazza San Ġorġ – f’tapit iffjurit b’madwar 80,000 pjanta. L-edizzjoni ta’ din is-sena ser tkun imħejjija b’mod speċjali sabiex tlewwen il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Fost l-attrazzjonijiet ewlenin tal-edizzjoni tas-sena l-oħra kien hemm il-ġonna sigrieti tal-Palazz tal-Arċisqof u l-monasteru ta’ Santa Katerina li nfetħu għall-pubbliku wara 400 sena.

Barra dan, l-edizzjonijiet imgħoddija tal-Festival raw Pjazza San Ġorġ miżgħuda bil-fjuri bi stallazzjoni ffjurita enormi ta’ 400 metru kwadru. L-infjorita tinħoloq bi fjuri staġonali mqiegħdin marsusin ma’ xulxin biex tissawwar taħlita kkulurita ta’ fjuri bojod, roża, lelà, sofor u ħomor.

F’dan il-proġett il-Fondazzjoni Valletta 2018 tikkollabora mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, mal-Environmental Landscaping Consortium, mad-Dipartiment Parks bħala parti mill-kampanja Tree 4 U (34U) u mal- WasteServ Malta Ltd.