Il-President Marie Louise Coleiro Preca flimkien maċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef u l-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST Silvio De Bono, taw l-awguri tagħhom għal Milied u l-Ewwel tas-sena filwaqt li nedew il-Projezzjoni ‘3D Architectural Mapping’ mal-faċċata tal-Palazz tal-President.

L-istorja tiħodna fil-ħanut tax-xogħol ta’ Santa Klaus fejn is-seba’ elves tiegħu jipproċessaw l-ittri u jaħdmu il-ġugarelli kollha. Dan huwa wkoll il-post fejn esperiment xjentifiku ma jirnexxix kif basru. Lejliet il-Milied, Clara, waħda mill-elves, tħallat il-kimiċi l-ġodda tagħha li jikkawżaw splużjoni. Qalb id-diżastru, l-ġugarelli kollha jieħdu l-ħajja! Dak li jiġri wara jħawwad lil kulħadd filwaqt li joħloq eċċitament.

Il-kollaborazzjoni mal-MCAST tmur lura kważi sentejn u l-Projezzjoni ‘3D Architectural Mapping’, flimkien ma’ proġetti oħra, jservu bħala xogħol prattiku għall-istudenti filwaqt li jgħinhom ikabbru l-esperjenza tagħhom ta’ xogħol fuq bażi professjonali.

Il-projezzjoni titrasforma il-faċċata tal-Palazz tal-President fi Pjazza San Ġorġ kull siegħa bejn il-5.30pm u l-10.30pm, mit- 23 ta’ Diċembru sa lejliet l-Ewwel tas-Sena. Se jkun hemm projezzjoni oħra wara l-quddiesa ta’ nofs il-lejl lejliet il-Milied.

Il-countdown għall-Ewwel tas-Sena se jsir flimkien mal-aħħar spettaklu tad-3D Architectural Mapping, flimkien ma’ spettaklu ta’ logħob tan-nar.