Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret il-ħatra ta’ Dr Giuseppe Schembri Bonaci, akkademiku tal-arti mwieled il-Belt Valletta, sabiex iħares is-sostenibbiltà ta’ Strada Stretta għal żmien twil waqt illi din qed tinbidel f’ċentru permanenti ta’ attività.

Fl-indirizz tiegħu lil konferenza għall-istampa, il-President tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Strada Stretta malajr qed issir ċentru ta’ ħajja soċjali u attività kreattiva fil-Belt Valletta filwaqt li għaddej ix-xogħol ta’ restawr u riġenerazzjoni”.

Din kienet il-viżjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 sa mill-bidu nett meta kienet ħabbret li Strada Stretta se tkun trasformata f’żona ħajja ta’ attività soċjali u divertiment. F’koordinazzjoni diretta mal-Fondazzjoni Valletta 2018, Dr Schembri Bonaci qed imexxi l-organizzazzjoni tal-avvenimenti kulturali u attivitajiet artistiċi marbuta ma’ Strada Stretta u qed jara li jinħoloq pont bejn attivitajiet varji. Dan jinkludi xogħol li se jkun qed iseħħ fil-Valletta Design Cluster, li se jkun stabbilit fiż-żona magħrufa bħala il-Biċċerija, fl-2018 u l-quddiem.

F’diskussjoni mal-Proġett ta’ Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta – responsabbli għal xogħlijiet ta’ restawr u riġenerazzjoni – Dr Schembri Bonaci qed jikkontribwixxi, bl-għarfien u d-direzzjoni tiegħu, għall-estetika tat-triq filwaqt li jgħin fl-interpretazzjoni tal-istorja u jiffoka fuq il-kontemporanju.

Fi kliem Dr Schembri Bonaci, “Strada Stretta għandha ssir tradizzjoni u istituzzjoni; il-marka tal-arti u l-kultura. Dan se jkun appoġġat minn programm ta’ avvenimenti ta’ kwalità u attività kontinwa”.

Huwa rringrazzja lill-Fondazzjoni Valletta 2018 filwaqt li tenna li l-ħatra tiegħu bħala Direttur Artistiku għal Strada Stretta turi l-viżjoni olistika li tant hi bżonjuża fil-mixja lejn l-2018 u fil-futur.

Dr Schembri Bonaci se jkun qed jissorvelja il-koordinazzjoni bejn il-postijiet, il-barijiet u r-ristoranti u ċ-ċentri tat-triq filwaqt li joħloq rabta bejn l-avvenimenti u l-imsieħba potenzjali interessati kollha inklużi l-Università ta’ Malta, l-MCAST, l-Iskola tal-Arti, l-Iskola tal-Mużika, il-mużewijiet, it-Teatru Manoel (kif ukoll teatri oħrajn), l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u setturi popolari u kulturali li, fost l-oħrajn, jinkludu gruppi mużikali u għannejja ġodda. L-attivitajiet se jinkludu wirjiet, produzzjonijiet teatrali, seminars, simpożji, taħdidiet, teatru tat-triq, avvenimenti billejl, sessjonijiet ta’ jamming, laqgħat diretti u sessjonijiet ta’ netwerking mal-artisti.

Ir-riġenerazzjoni tal-mużika jazz, tal-cabaret, u tal-kultura teatrali u urbana huma fost l-objettivi tal-programm, li b’mod regolari se jara s-sehem ta’ artisti internazzjonali. Fost ix-xogħol li se jitwettaq se jkun hemm ir-rijabilitazzjoni ta’ Strada Stretta bħala ċentru ta’ attività; ir-restorazzjoni arkitettonika li tirrifletti l-karattru u l-istorja tagħha; it-treġġigħ lura għad-divertiment u għal ħajja kulturali urbana; u r-rijabilitazzjoni u l-konservazzjoni ta’ pitturi u sinjali storiċi mal-ħitan.

Flimkien mal-ħidma li għaddejja qegħdin isiru wkoll studji u riċerki arkivjali dwar l-istorja u l-użu tat-triq. Sadanittant, qed jiġi studjat il-clustering ta’ attivitajiet artistiċi varji f’postijiet differenti f’termini ta’ ġestjoni.

Sakemm qed isiru xogħlijiet infrastrutturali, għadd ta’ avvenimenti huma ppjanati għall-ġimgħat li ġejjin bħala parti minn żvilupp gradwali ta’ programm sħiħ.

 

Bijonota:

Giuseppe Schembri Bonaci ggradwa fl-Arti, fil-Filosofija u fil-Liġi. Ilu attiv fix-xena lokali tal-arti għal dawn l-aħħar erbgħin sena. Huwa lettur anzjan ġewwa d-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Huwa studja u ggradwa mill-Università ta’ Malta, l-Università tal-Istat ta’ Moska, l-Università tal-Istat ta’ Kiev u l-Università tal-Istat ta’ Milan. Huwa wera xogħlu ġewwa Franza, l-Italja, ir-Russja, il-Ġermanja, l-Awstralja, Spanja u oħrajn. Kien ukoll il-fundatur u d-direttur ta’ ‘Teatru Strada Stretta’. Huwa studja u ħadem fit-Teatru ġewwa Moska, Milan u Pariġi. F’Moska studja d-direzzjoni teatrali taħt id-direttur ta’ Vachtangov, Piotr Fomenko, filwaqt li f’Milan studja taħt id-direzzjoni ta’ Dario Fo u Franca Rame.

Fl-Università ta’ Malta huwa jgħallem l-Arti Moderna u Kontemporanja. Schembri Bonaci huwa wkoll il-koordinatur tal-MA (Fine Arts). Kien ukoll l-ewwel Chargé d’Affaires (f’livell Ambaxxatorjali) għal Malta ġewwa Moska għal iktar minn seba’ snin.

Huwa ppubblika bosta studji dwar l-arti u huwa kontributur regolari fil-gazzetti tal-Ħadd. Il-pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu analiżi kritika ta’ artisti Maltin ewlenin bħal Emvin Cremona, Antoine Camilleri, Willie Apap, Josef Kalleya u oħrajn.

Huwa d-Direttur Artistiku ta’ Mdina Biennale 2015/16, [il-Bijennale tal-Arti Kontemporanja tal-Katidral tal-Imdina] kif ukoll il-koordinatur artistiku għall-Kampus Universitarju tal-Belt Valletta.