Huwa stmat li 75,000 persuna attendew għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 fil-kapitali ta’ pajjiżna.

Iċ-ċelebrazzjonijiet, li kienu kompletament b’xejn għal kulħadd, intlaqgħu tajjeb ħafna mill-pubbliku. L-artisti li pparteċipaw kienu jinkludu kemm talent lokali kif ukoll talent internazzjonali.

Bħas-snin ta’ qabel, studenti mill-MCAST ħadu ħsieb li jagħmlu projezzjonijiet bid-dawl li taw atmosfera stupenda.

Dawn l-attivitajiet jagħtu togħma żgħira tal-ħidma kbira li qed issir mill-Fondazzjoni Valletta 2018 hekk kif fi żmien tnax-il xahar ieħor, il-belt kapitali tagħna se tieħu t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Iċ-ċelebrazzjonijiet kienu frott is-sinerġija bejn diversi entitajiet kemm governattivi fis-setturi tal-kultura u tat-turiżmu, kif ukoll is-settur privat.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jieħu l-opportunità biex jirringrazzja lill-pubbliku u lill-forzi tal-ordni għall-kooperazzjoni sħiħa li ntweriet biex iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu għal darba oħra ta’ suċċess.