Ix-xogħol ta’ restawr fuq l-istruttura ta’ stil Vittorjan, magħrufa storikament bħala s-Suq tal-Belt, bħalissa għaddej ġmielu biex il-proġett jitlesta sa tmiem is-sena d-dieħla.

Il-kera ta’ 65 sena fuq il-proprjetà ngħatat lill-Grupp Arkadia, parti mill-Mizzi Organisation, b’vot unanimu mill-Parlament fit-13 ta’ Jannar li għadda biex jiġi rranġat il-post mitluq, li huwa binja ewlenija fost il-bini storiku tal-Belt Valletta, u jirritorna għall-kunċett oriġinali tiegħu: post fejn jinbiegħ u jiġi ċċelebrat l-ikel. L-investiment totali tal-proġett se jkun ta’ €10 miljun. Il-kunċett li fuqu qed jiġi rrisrutturat il-proġett tal-Arkadia fuq din il-binja skedata ta’ Grad 1 huwa: ‘Cook. Eat. Relax’.

Il-livell sotterran se jkun fih suq tal-ikel frisk, minn fejn se jinbiegħu laħam, ħut, prieżet u ġobnijiet (delicatessen) kif ukoll frott, ħaxix, ħwawar, żjut u nbejjed. Il-livell tat-triq se jkun iddedikat għal diversi konċessjonijiet li jservu l-ikel dak il-ħin, bħal laħam u ħut mixwi, ikel tradizzjonali Malti, pizzerija, ikel vegan u veġetarjan, paninoteca u bar tal-insalati, fost affarijiet oħra.

Is-sular ta’ fuq se jiġi ttrasformat fi spazju miftuħ fejn dak li jkun jirrilassa u jissoċjalizza. Dan is-sular se jservi wkoll bħala post ideali għal inizjattivi kulturali, bħal wirjiet, diskussjonijiet u mużika live, fl-ispirtu tal-impenn li l-operaturi għandhom illi jikkollaboraw mal-Kunsill Malti tal-Arti u l-Fondazzjoni Valletta 2018 biex jappoġġjaw ix-xena kulturali Maltija.

“Ħadna dan il-proġett b’entużjażmu u b’sens kbir ta’ responsabbiltà,” qalet l-Chief Operations Officer tal-Grupp Arkadia, Maria Micallef. “Inħossuna privileġġati li ġejna fdati biex nirrestawraw din l-istruttura li ġġib memorji sbieħ u li se ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li nerġgħu nroddulha l-ħajja bħal qalb li tħabbat fil-belt kapitali.”

Il-General Manager tal-Arkadia, Antoine Portelli, qal: “L-għan tagħna huwa li niddedikaw spazju lill-kċina Maltija u Mediterranja filwaqt li nissodisfaw ukoll it-tendenzi tal-mumenti billi nħalltu ingredjenti differenti minn kċejjen varji minn madwar id-dinja li jirriflettu l-villaġġ globali li saret id-dinja tal-lum. Kburin ukoll li qed nagħtu l-appoġġ tagħna lill-isfera kulturali Maltija billi nipprovdu spazju għall-inizjattivi artistiċi. Huwa verament ta’ unur għall-Arkadia li tirriġenera din il-binja imprezzabbli fl-istorja u l-patrimonju Malti.”

Ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni fuq il-binja tas-seklu 19 se jkunu qed isiru minn żewġ timijiet ta’ periti u inġiniera Maltin u Taljani, li qed jaħdmu flimkien fuq aspetti differenti tal-proġett biex jagħtu l-ħajja lill-memorja kollettiva li l-Maltin għandhom tas-Suq tal-Belt kif dejjem kien magħruf, bil-kuluri u r-riħa tal-ikel frisk u b’varjetà ta’ prodotti tal-ikel.

Id-ditta Taljana tad-disinn arkitettoniku Archea, magħmula mill-perit ta’ fama internazzjonali Marco Casamonti u l-imsieħba Giovanni Pollazzi u Laura Andreini, intgħażlet wara sejħa internazzjonali għad-disinn kollu tal-proġett. L-Archea huma bbażati f’Firenze b’uffiċċji f’Milan, Ruma, Dubaj, Beijing u São Paolo. Huma kienu responsabbli mill-proġett ta’ rinnovazzjoni tal-Mercato Centrale di San Lorenzo f’Firenze. Proġetti oħra tagħhom kienu l-Cantina Antinori, il-kwartieri tal-birra Peroni, il-Beijing Jun Zhuang International Winery Culture Centre u l-Liling Ceramic Museum.

Id-ditta tal-periti Maltin CGE Architects, immexxija mill-periti Philip Micallef u Joe Cassar, hi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proġett, filwaqt li l-periti Hermann Bonnici u Jean Frendo huma l-konsulenti tat-tim tar-restawr. L-inġiniera Carmel Cuschieri u Jonathan Bonnet ta’ Camilleri & Cuschieri huma responsabbli mill-inġinerija mekkanika u elettrika.

Iż-żewġ timijiet qed jaħdmu id f’id mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jiżguraw li l-pjanti kollha jkunu konformi mal-ħtiġijiet tas-Sovrintendenza.

Fl-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet se jkunu involuti madwar 90 persuna. Meta jiftaħ, is-Suq tal-Belt se jkun qed jimpjega mal-140 impjegat, uħud mill-Arkadia u oħrajn li se jkollhom il-konċessjonijiet. Biex tagħżel l-operaturi ta’ dawn il-konċessjonijiet, l-Arkadia se tuża l-15-il sena esperjenza li għandha fis-settur tal-bejgħ tal-ikel u l-istandards għoljin li hija rinomata għalihom biex tidentifika l-aħjar operaturi għall-konċessjonijet differenti tal-proġett, kemm għas-suq tal-prodotti friski, kif ukoll għall-istabbilimenti tal-ikel. Ix-xogħol ta’ restawr tal-bini mistenni jitlesta sa tmiem is-sena d-dieħla u meta jkun inawgurat, is-Suq tal-Belt se jkun qed jopera sebat ijiem fil-ġimgħa.