Il-ħames edizzjoni tal-Karnival tas-Sajf, mtella’ mill-Kunsill Malti ghall-Arti bl-għajnuna tal-Valletta 2018  jiftaħ llejla 25 t’Awwisu 2017. Il-Karnival tas-Sajf hu mtella mill-Kunsill Malti ghall-Arti bl-ghajnuna tal-Valletta 2018, s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u l-kunsilli lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Wied il-Għajn.

Ilbieraħ l-karrijiet parteċipanti ttellgħu San Pawl il-Baħar biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-parata ta’ max-xatt. Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew fis-6.30pm ħdejn il-Gillieru permezz tal-ġostra, it-tradizzjoni popolari antika fejn kompetituri jixxabbtu ma’ arblu twil midluk bix-xaħam biex jilħqu l-bnadar li jkunu tpoġġew fil-quċċata tiegħu.

Nofs siegħa wara jingħata bidu għall-parata bil-karrijiet u l-kumpaniji taż-żfin li tibqa’ sejra sal-Pjazza ta’ Buġibba. Għada s-Sibt il-ġostra ssir fl-inħawi tal-lukanda Santana fis-6.30pm imbagħad tkompli bil-parata nofs siegħa wara li twassal għall-Pjazza ta’ Buġibba fejn jintlaħaq il-qofol tal-ispettaklu.

Il-Ħadd 27 ta’ Awwissu l-Karnival jimxi għax-xatt ta’ Marsaskala bl-istess parteċipanti u karrijiet. Iċ-ċelebrazzjonijiet dakinhar jibdew b’parata fit-triq tul ix-xatt ta’ Triq is-Salini fis-27 ta’ Awwissu fis-7pm.  Din tibda minn ħdejn il-Kunsill Lokali u tibqa’ miexja lejn il-post magħruf bħala s-simenta, fejn se jsir żfin kif ukoll spettakli bil-karrijiet rispettivi tagħhom. Fil-Karnival ta’ Wied il-Għajn se jieħdu sehem ukoll il-Banda ta’ Marsaskala kif ukoll studenti minn Skolasajf.

F’din l-edizzjoni tal-Karnival tas-Sajf se jieħdu sehem 11-il karru, b’uħud minnhom ikunu akkumpanjati mill-kumpaniji taż-żfin tagħhom. Il-karrijiet tas-sajf ikunu iżgħar minn dawk maħluqa għall-karnival tax-xitwa u jinħolqu apposta għal dan il-Karnival b’temi marbuta mas-sajf. Minbarra dawn, se jkun hemm ukoll 10 kumpaniji taż-żfin, tlieta iktar mis-sena ta’ qabel. Il-parteċipanti ġejjin minn bosta lokalitajiet u huma wħud minn dawk li s-soltu jieħdu sehem fil-karnival tax-xitwa.

F’Marsaskala, in-nies jistgħu jipparkjaw lejn l-Inspire, quddiem il-Park tal-Familja ta’ Sant’Antnin fi Triq Sant’Antnin kif ukoll fil-parkeġġ tiegħu. Se jkun hemm is-servizz ta’ park & ride.