Il-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Mercedez-Benz Malta Fashion Week, qed tappoġġja s-seba’ edizzjoni tal-Malta Fashion Week li se jittellgħu fil-Forti Sant Iermu, il-Belt Valletta mit-22 sas-27 ta’ Mejju.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal “Valletta 2018 hija kburija li għandha l-Mercedes-Benz Malta Fashion Week inkluża fil-Programm Kulturali tagħha fil-mixja lejn l-2018. Din se tattira folol ta’ aktar minn 13,000 ruħ biex jattendu u jipparteċipaw fl-attività l-aktar prestiġjuża tal-moda f’Malta. Il-Malta Fashion Week, b’kull edizzjoni, qed tgħolli l-livell għall-industrija tal-moda f’Malta u tpoġġiha fuq mappa internazzjonali. Dan juri li proġetti bħal dawn huma sostenibbli u se jkollhom wirt dejjiemi sal-2018 u lil hinn.”

Mr Micallef żied jgħid li l-moda hija kontributur ewlieni għall-kultura viżwali dinjija u dan l-avveniment jipprovdi pjattaforma biex it-talent lokali jesponi l-artistrija tiegħu.

Iċ-Ċermen tal-Malta Fashion Week Adrian J. Mizzi qal, “L-għan ewlieni tal- Mercedes-Benz Malta Fashion Week u l-Chamilia Fashion Awards dejjem kien li joħloq pjattaforma internazzjonali biex it-talent artistiku Malti jilħaq udjenza aktar globali. Dan sar possibbli permezz tal-appoġġ ġeneruż ta’ bosta voluntiera, sponsors korporattivi u entitajiet tal-Gvern bħall-Valletta 2018, il-Kunsill Malti għall-Arti, u Heritage Malta. Dak li huwa meħtieġ issa huwa aktar investimenti determinati biex jgħinu lill-industrija lokali biex tieħu l-affarijiet għal livell saħansitra aktar professjonali.”

Il-Kunsill Malti għall-Arti qed jiffinanzja lill-Malta Fashion Association, li tappoġġja l-parteċipazzjoni ta’ disinjaturi tal-moda lokali żgħar emerġenti fil-Malta Fashion Week, permezz tal-Cultural Partnership Agreement. “Dan l-investiment iżid il-valur lill-firxa wiesgħa ta’ 11-il sħubija mas-settur kreattiv filwaqt li jinżamm l-impenn tagħna li nappoġġjaw l-iżvilupp ta’ professjonisti kreattivi u l-eċċellenza artistika tagħhom”, qal Toni Attard, Direttur tal-Istrateġiji fil-Kunsill Malti għall-Arti. Huwa żied biex jgħid li l-Malta Fashion Week isservi bħala pjattaforma importanti għat-tkabbir kreattiv tad-disinjaturi, b’mod partikolari f’termini ta’ netwerking, espożizzjoni u viżibilità fix-xena lokali u internazzjonali.

Madwar 19-il disinjatur lokali se jkunu qed juru x-xogħol tagħhom lill-pubbliku, flimkien ma’ disinjaturi internazzjonali mis-Serbja, l-Italja, Franza, ir-Rumanija u l-Greċja.

Minbarra sfilati u festini tal-moda, l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta Fashion Week u l-Malta Fashion Awards tinkludi wkoll wirjiet, preżentazzjonijiet u kmamar tal-wirja fejn disinjaturi jistgħu jeżebixxu l-biċċiet tagħhom u jibnu netwerk ma’ professjonisti oħrajn tal-industrija biex ikomplu l-karriera tagħhom.