Żewġ ġonna fil-Belt Valletta li jgħoddu 400 sena ser jinfetħu għall-pubbliku għall-ewwel darba matul il-Valletta Green Festival bejn is-6 u t-8 ta’ Mejju. Il-Festival huwa inizjattiva tal-Valletta 2018 li ser tlewwen żona li s-soltu nafuha urbana.

Il-ġonna jinsabu fil-qalba tal-Monasteru Santa Katerina – bini tas-seklu 16 fi Triq ir-Repubblika mmexxi minn sorijiet tal-klawsura u mill-Palazz tal-Arċisqof ta’ Triq l-Arċisqof. Iż-żewġ ġonna ser ikunu miftuħin bejn id-9.00 am u nofsinhar u bejn l-4.00 pm u s-7.00 pm matul it-tliet ijiem tal-Festival.

Iċ-ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “l-Festival joffri opportunità unika lill-familji biex jżuru l-Belt matul tmiem il-ġimgħa ta’ Jum l-Omm u jgawdu dawn il-ġonna sigrieti li jinsabu fil-qalba tal-Belt.”

Is-Sur Micallef żied jgħid li “permezz tal-Valletta Green Festival il-Fondazzjoni qiegħda tiffoka fuq ir-riġenerazzjoni kulturali, ekonomika u soċjali tal-Belt Valletta filwaqt li tħeġġeġ u tagħti kontribut favur it-titjib ambjentali u ekoloġiku.”

Din it-tielet edizzjoni tal-Festival ser terġa’ ttella’ l-Infiorata – tapit kbir magħmul minn ’il fuq minn 80,000 xitla li ser jagħtu laqta kkulurita lil Pjazza San Ġorġ.

B’kuntrast mas-snin imgħoddija l-edizzjoni ta’ Infiorita din is-sena għandha tifsira speċjali. Filfatt il-pjanti qegħdin jintużaw biex jipproduċu mill-ġdid il-kontorni ta’ wieħed mill-pjanijiet bikrin tal-Belt u tal-fortifikazzjonijiet tagħha. Dan jenfasizza l-importanza storika tal-Belt li fl-1980 ingħatat ir-rikonoxximent ta’ Sit ta’ Patrimonju Dinji mill-UNESCO.

Intant id-disinn imlewwen tal-isfond li jdawwar dawn il-kontorni huwa reinterpretazzjoni artistika tal-gradilja tat-toroq dojoq li jikkaratterizzaw il-Belt. Dan iż-żwieġ bejn l-imgħoddi u l-preżent jissimbolizza l-qagħda tal-Belt ta’ żmienna fl-450 anniversarju minn twelidha: belt fejn l-użanzi u t-tendenzi fil-moda tal-mument jgħixu id f’id ma’ patrimonju arkitettoniku, storiku u soċjali rikk.

Iċ-ċermen tal-Environmental Landscaping Consortium (ELC) Peter Calamatta qal: “Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin tal-Valletta Green Festival hija l-Infiorita li ser tippreżenta iżjed minn 80,000 pjanta mħawlin fi qsari li tkabbru tul l-aħħar 12-il ġimgħa fl-imxietel tal-ELC. Wara l-festival il-fjuri ser jerġgħu jinżergħu f’ġonna pubbliċi u f’żoni ħodor f’Malta u f’Għawdex.”

Nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju ser ikun hemm sessjonijiet mużikali mill-grupp Tikka Banda bejn l-10.00 am u nofsinhar filwaqt li Charles and Friends ser iqajmu Pjazza San Ġorġ b’taħlita ta’ mużika Blues u Jazz bejn it-8.30 pm u l-10.30 pm.