Il-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien mal-Forum Komunità Bormliża, ċċcelebrat l-proġett ‘Minn Fomm il-Bormliżi’ – inizjativa interġenerazzjonali li ffukat fuq il-komunità Bormliża, f’Pjazza Paolino Vassallo, it-Tnejn 31 ta’ Awwissu. Il-proġett jiċċelebra l-istorja u l-komunità ta’ Bormla bl-użu ta’ intervisti mal-anzjani rrekordjati miż-żgħażagħ residenti. Iż-żgħażagħ tgħallmu diversi ħiliet ġodda wara li attendew sessjonijiet ta’ tagħrif bħal ġbid ta’ filmati, editjar u teħid ta’ intervisti, li għenuhom jiġbru l-esperjenzi ta’ dawn l-anzjani li għexu f’Bormla wara l-gwerra.

Permezz ta’ impenn ma’ ġenerazzjonijiet iżgħar, Valletta 2018 toħloq dak li possibilment huwa l-ikbar wirt tagħha u l-iktar wieħed dejjiemi bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura: dak li nagħtu lill-uliedna u liż-żgħażagħ l-aħjar għodda biex jgħixu ħajja inklussiva u ta’ sodisfazzjon billi jkunu atturi diretti f’attivitajiet kulturalment għonja. It-titlu tal-Kapital Ewropea tal-Kultura mhux limitat għal Belt Valletta biss, iżda hu ukoll għaż-żona tal-Port il-Kbir u għal Malta u Għawdex kollha.

Iċ-ċerimonja nkludiet indirizzi mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef u s-Sindku tal-Kunsill ta’ Bormla Alison Zerafa.

Il-Preseident ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca faħħret liż-żgħażagħ għal xogħolhom waqt li rringrazzjat l-isforz tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Forum Komunità Bormliża. “Minn dan il-proġett ħareġ mhux biss l-għaqda fil-komunità, iżda ukoll is-solidarjetà interġenerazzjonali peress li ż-żgħażagħ poġġew l-anzjani tagħna bħala ċentru tal-proġett tagħhom.”

Is-Sur Micallef qal “Ix-xogħol ta’ dokumentazzjoni li sar f’dan il-proġett huwa imprezzabli. Inġabru l-istejjer u l-memorji tan-nies ta’ Bormla biex dawn ma jintilfux biż-żmien. Aktar minn hekk, dawn iż-żgħażagħ, li permezz ta’ dan il-proġett tgħallmu ħiliet ġodda, għenuna biex niskopru r-ruħ ta’ din il-belt.”

Iż-żgħażagħ ingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni għal xogħolom waqt li l-anzjani li ġew intervistati ġew ippreżentati b’DVDs li fihom l-intervisti tagħhom irrekordjati.

‘Minn Fomm il-Bormliżi’ huwa proġett pilota għal ‘Behind the Front Door’, proġett kollaborattiv bejn Valletta 2018, Leeuwarden 2018 u Aarhuus 2017.

Trailer tal-intervisti hawn taħt:

 

Biex tara l-vidjos kollha, żur il-YouTube ta’ Minn Fomm il-Bormliżi.