Il-Fondazzjoni Valletta 2018 illum tenniet li l-iżgħar parti ta’ Triq l-Ordinanza li tmiss mal-bini tal-Parlament il-ġdid, il-Kavallier ta’ San Ġakbu u Pjazza Teatru Rjal, għanda tibqa bħala spazju miftuħ u m’għadhiex tintuża għar-rilokazzjoni tal-monti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 żvela kif il-Fondazzjoni kienet proattiva fuq il-kwistjoni sa minn kmieni s-sena l-oħra meta saret taf x’kien qed jingħad dwar ir-rilokazzjoni tal-monti għal Triq l-Ordinanza. Fil-Fatt, flimkien ma’ sitt Ċermenijiet ta’ entitajiet kulturali pubbliċi oħra, (Albert Marshall mill-Kunsill Malti għall-Arti, Sigmund Mifsud mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Dr Michael Grech mit-Teatru Manoel, Charles ‘City’ Gatt għal Pjazza Teatru Rjal, Rupert Cefai mill-Kavallier ta’ San Ġakbu u Dr Joseph Buttigieg għal Heritage Malta), il-Fondazzjoni Valletta 2018 bagħtet korrispondenza lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona, responsabbli mir-rilokazzjoni tal-monti, fid- 29 ta’ Lulju 2014. F’din l-ittra, il-Fondazzjoni esprimiet l-oġġezzjoni tagħha li l-monti jkun rilokat lejn l-iżgħar parti ta’ Triq l-Ordinanza. Ir-risposta li l-Fondazzjoni irċiviet għal din l-ittra kienet mill-kumitat responsabbli mir-rilokazzjoni tal-monti fejn intqal li l-kumitat ma kienx qed jifhem l-iskop tal-ittra.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 spjega kif parti essenzjali tal-proġett ta’ Renzo Piano għad-daħla tal-Belt kienet il-ħolqien ta’ spazji ġodda miftuħa għall-pubbliku. Din il-parti ta’ Triq l-Ordinanza hija waħda minnhom u fost l-aktar essenzjali għax tgħaqqad mal-ispazju miftuħ ta’ Pjazza Jean de Valette. L-istrutturi tal-monti, jew strutturi oħrajn li jistgħu jitpoġġew, se jkunu qed joħonqu dan l-ispazju miftuħ u jtellfu bil-kbir ix-xogħol u l-attivitajiet fil-Parlament, fiċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu u fi Pjazza Teatru Rjal.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 appella bis-sħiħ sabiex is-sens komun jirbaħ u issa li għadna fic-cans, id-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni tal-monti f’din il-parti ta’ Triq l-Ordinanza tieqaf u tkun rivoka f’rispett sħiħ tar-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali lejn il-vjagg ta’ pajjizna għall-Valletta l-Kapitali Ewropa tal-Kultura 2018.