Il-Fondazzjoni Valletta 2018 fetħet sejħa għal kittieba għall-film, diretturi u edituri kemm li għandhom l-esperjenza u kemm emerġenti li se jitħarrġu fl-iżvilupp ta’ film jew proġetti ta’ drammi għat-televiżjoni maħsuba għall-produzzjoni s-sena d-dieħla u fl-2017.

Il-kors se jiffoka fuq l-industrija tal-film filwaqt illi jiżra’ l-ħiliet tal-kitba tal-film f’ġenerazzjoni ta’ professjonisti permezz tal-iżvilupp ta’ proġett. Se jinqasam f’żewġ moduli bl-ewwel wieħed li se jsir f’għamla ta’ lezzjonijiet għal gruppi. Dan se jsir mis-Sibt 14 sal-Ġimgħa 20 ta’ Marzu 2015. Sessjonijiet individwali bi Skype jiffurmaw it-tieni modulu u se jsir f’Awwissu/Settembru 2015.

Tmien kittieba u tmien kollaboraturi kreattivi se jintgħażlu għal dan il-programm. Inħeġġu l-applikazzjonijiet minn kittieba b’deskrizzjonijiet ta’ proġetti u kollaboraturi kreattivi (produtturi, diretturi jew edituri) li se jaħdmu fuq il-proġetti tal-kittieba.

L-applikazzjonijiet kollha tal-produtturi, diretturi u edituri se jiġu kkunsidrati abbażi tal-esperjenza preċedenti. Il-kittieba u l-kollaboraturi kreattivi li ħadu sehem fl-ewwel u fit-tieni edizzjonijiet ta’ Storyworks huma mħeġġa biex japplikaw ukoll.

Storyworks huwa magħmul għal proġetti li huma lesti biex iġarrbu żvilupp intensiv. L-għan huwa li jiġu żviluppati l-ħiliet tat-tim kreattiv u li kull proġett jitmexxa biex il-potenzjal tiegħu jintlaħaq bis-sħiħ. L-ideat se jiġu żviluppati f’abbozz strutturat u rfinut bikri (jew qafas b’saħħtu), sabiex ikunu fl-aqwa pożizzjoni li jingħatawlhom il-finanzi u fl-aħħar mill-aħħar, jilħqu l-udjenza kemm jista’ jkun fil-wisa’. Permezz tal-esplorazzjoni tal-viżjoni li għandu t-tim tal-prodott lest, dan il-kors għandu l-għan li jiżviluppa l-kitba għall-film fi skritti magħmulin tajjeb, iffukati u ppreżentati b’mod professjonali.

Din hija t-tielet edizzjoni ta’ Storyworks u hija mfassla fuq l-objettiv tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li tibni ġenerazzjoni ta’ artisti u individwi li jagħtu servizz lill-industrija kreattiva sal-2018.

Il-klima effettiva ta’ kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet pubbliċi kulturali qed tirriżulta f’investiment strateġiku fl-infrastruttura kulturali u l-bini tal-kapaċità li huma l-qofol tal-iżvilupp u l-promozzjoni tal-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Minbarra Storyworks, Valletta 2018 tmexxi korsijiet ta’ Ħiliet Tekniċi, l-Iskola Kuratorjali u l-Programm ta’ Residenza għall-Kuraturi kif ukoll għadd ta’ proġetti fl-iskejjel.

Il-programm huwa organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru għall-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu u l-Kummissjoni tal-Films f’Malta.

Storyworks se jitmexxa minn David Howard mill-Università ta’ Southern California u l-Konsulent għall-Iskritti Mary Kate O Flanagan li fil-karriera tagħhom ħadmu ma’ professjonisti fl-industrija fid-dinja kollha.

Il-ħlas għall-programm huwa ta’ €200 għall-kittieba li jieħdu sehem bl-iskritti proposti tagħhom, €150 għall-produtturi li jikkollaboraw fuq skritt ta’ kittieb jew kittieba u €300 għal kittieb u produttur li japplikaw bħala par. L-applikazzjonijiet għandhom jitniżżlu minn fuq: www.valletta2018.org u jintbagħtu lil [email protected] sa nhar it-Tnejn 16 ta’ Frar, 2015 fil-5pm. L-applikanti magħżula jiġu infurmati sat-Tnejn 23 ta’ Frar 2015.

Jekk għandek xi mistoqsijiet ibgħat lil: [email protected] jew ċempel fuq 21242018.

Applikazzjoni bl-Ingliż: StoryworksCallforApplications2015

Applikazzjoni bil-Malta: StoryworksCallforApplications2015_mt