Il-Bank of Valletta ġie msemmi bħala Imsieħeb Preferut tal-Fondazzjoni Valletta 2018, bi preparament għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.

Il-korroborazzjoni ġiet imħabbra matul ċerimonja li saret fil-House of Four Winds fil-Belt Valletta u li kienet indirizzata miċ-Chairman tal-BOV Deo Scerri u miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef. L-Onorevoli Owen Bonnici, Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista u is-Sur Mario Mallia, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta kienu fost il-mistiedna f’din l-attività.

Is-Sur Jason Micallef irringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ tiegħu u qal, “Huwa ta’ pjaċir għalina li jkollna lill-Bank of Valletta bħala sieħeb tagħna matul dan il-vjaġġ. Aktar ma noqorbu lejn l-2018, il-livell ta’ interess u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet li qed jiġu organizzati jibqgħu jikbru. Il-kollaborazzjoni mill-qrib tagħna mal-Gvern, mal-awtoritajiet pubbliċi u mas-settur privat hija mmirata li ttawwal l-effett pożittiv u li tipprovdi wirt dejjiemi għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 u lil hinn.” Is-Sur Micallef enfasizza li x-xogħol tal-Fondazzjoni mhux biss se jgħin lill-pubbliku inġenerali iżda se jgħin ukoll lil organizzazzjonijiet biex iwettqu r-responsabbiltajiet soċjali korporattivi biex nipproteġu u nkabbru l-kultura u l-wirt tagħna.

Filwaqt li semma r-rabta bejn l-oriġini tal-Bank mal-Belt Kapitali, Deo Scerri qal, “Ir-rabta tal-Bank mal-Belt Kapitali tmur lil hinn mill-adozzjoni tal-isem ‘Valletta’ fil-Bank. Il-patroċinju tal-arti u l-kultura, kif ukoll proġetti tal-konservazzjoni sinifikanti ilhom jidhru b’mod prominenti fil-Programm Komunitarju tal-Bank għal deċennji.” Huwa qal li l-Bank iħares lejn dan ir-rwol bħala parti integrali mill-impenn tiegħu lejn il-komunità, minħabba li hija r-responsabbiltà tiegħu biex ikompli jikber b’mod sostenibbli u li tiġi appoġġata l-ekonomija lokali u li l-partijiet ewlenin jikbru.