Il-Fondazzjoni Valletta 2018 illum nidiet l-ewwel cultural hotspot mobile unit fi Pjazza San Ġorġ, l-Belt Valletta.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Permezz tal-cultural hotspot mobile unit, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser tgħin biex il-kultura tkun aċċessibli għal kullħadd. Proġett ta’ dan it-tip huwa possibbli biss grazzi għall-appoġġ mis-settur privat. Dhalia Real State kkontribwixxiet l-mobile unit li ser jintuża għall-avvenimenti kulturali.”

Is-Sur Micallef emfasizza li l-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 qed jikber u qed jiġi msaħħaħ sena wara sena. Dan il-cultural hotspot mobile unit ser joħloq opportunità doppja: biex jinforma aħjar lill-pubbliku dwar il-programm kulturali ta’ Valletta 2018 u avvenimenti futuri li jkunu parti mill-kalendarju kulturali nazzjonali waqt li fl-istess ħin iservi bħala mezz ta’ kommunikazzjoni diretta bejn il-pubbliku u l-Fondazzjoni.

Il-mobile unit ser jibqa’ fi Pjazza San Ġorġ tul il-Valletta Green Festival li se jsir mil-Ġimgħa 29 ta’ Mejju sal-Ħadd 31 ta’ Mejju. Minn ħin għal ħin, il-cultural hotspot mobile unit ser ikun qed idur diversi rħula madwar Malta u Għawdex u ser ikun preżenti waqt avvenimenti organizzati mill-kunsilli lokali u li jkunu ċċelebrati mill-kommunitajiet.

Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti gћall-Arti Albert Marshall, li kien ukoll preżenti għall-konferenza, qal, “Il-kunċett ta’ mobbiltà biex jinxtered it-tagħrif dwar proġetti kulturali mnedija mill-entitajiet u indirizzati lill-komunità huwa essenzjali biex il-kultura tasal għand kulħadd. Dan il-proġett ta’ cultural hotspot huwa pjattaforma ideali biex dan iseħħ.”

Iċ-Ċermen tad-Dhalia Chris Grech tenna, “Fis-snin li għaddew, rajna bidla inkredibbli fil-Belt Valletta, b’żieda f’talba għall-investimenti kummerċjali u residenzjali. Dan ħeġġiġna nfittxu msieħba strateġiċi fil-Belt Valletta, bi preżenza b’saħħitha u konna ffortunati biżżejjed biex nibdew nikkollabaraw ma’ Valletta 2018, mmexxija b’passjoni u detereminazzjoni mis-Sur Jason Micallef, biex il-Belt Valletta issir ċentru soċjali u kulturali”.

Valletta 2018 ma tistax tkun suċċess jekk mhux bil-parteċipazzjoni tan-nies. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jingħaqad mal-Fondazzjoni waqt il-Valletta Green Festival u jkun parti minn din l-esperjenza unika fi tmiem il-ġimgħa.