Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tniedi l-filmat uffiċċjali marbut mal-libsa korporattiva l-ġdida. Il-filmat jirrakkonta l-esperjenza tat-tifel Ian, waqt ħarġa fil-Belt Valletta ma’ nannuh. L-istorja hija riflessjoni tal-ħajja ta’ tfal u żgħażagħ oħra Beltin, Maltin u Għawdxin.

Waqt li n-nannu u t-tifel jimxu fit-toroq u l-pjazzez u jżuru ħwienet fil-Belt Valletta, it-tifel jinnota, jisma’ u jistampa ċar f’moħħu s-sbuħija ta’ Valletta, l-ilwien, il-ħsejjes u l-karatteristiċi li jagħmlu lil Valletta belt unika.

L-esperjenza tal-kultura riflessa fil-ħajja ta’ madwaru tispira lil Ian biex jinterpreta l-elementi tradizzjonali f’ħajtu b’mod ġdid. Għalhekk ‘Valletta l-Orkestra tiegħi – Ian il-Mużiċist’ fejn it-tifel isir il-protagonist prinċipali.

Fil-ġranet li għaddew, il-Fondazzjoni Valletta 2018 nediet il-fażi l-ġdida fil-vjaġġ tagħha permezz ta’ identità korporattiva ġdida. Dan l-iżvilupp jixħet dawl fuq it-tranżizzjoni minn belt kandidata għat-titlu Kapitali Ewropea tal-Kultura fis-seħħ.

Flimkien mal-Programm Kulturali, l-Fondazzjoni qed tfassal programm ta’ riċerka u evalwazzjoni relatat direttament mal-kultura li huwa konsistenti u aċċessibli.

Ir-rapreżentazzjoni viżwali ġdida ta’ Valletta 2018 tidefinixxi identità ankrata mal-karatteristiċi uniċi tal-Belt, għalhekk qed tintuża l-frażi ‘Belt Unika’.

Il-logo uffiċjali ta’ Valletta 2018 hija ispirata mill-pjanti arkitettoniċi oriġinali ta’ Francesco Laparelli da Cortona (1521-1570), b’ringieli ta’ toroq iddisinjati perfettament f’angoli retti ta’ disgħin grad b’viżwal ta’ diversi saffi. Din il-marka sservi bħala l-bazi ta’ identità fuq sistema ta’ grid unika għal Valletta 2018.