On Culture: Mapping Valletta 2018

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 nediet il-ktieb ta’ riċerka “On Culture: Mapping Valletta 2018.” Dan l-istudju, li ġie ppubblikat minn Midsea Books, jippreżenta approċċ multidixxiplinarju dwar l-użu tal-ispazju pubbliċi, privati u komunitarji fl-attività u fl-espressjoni kulturali fil-gżejjer Maltin. Din l-analiżi saret fid-dawl tal-bidliet kontinwi li qiegħed jgħaddi minnhom il-qasam kulturali Malti matul it-tħejjijiet għall-Valletta 2018, biex b’hekk iressaq modi ġodda u eċċitanti ta’ riflessjoni fuq ir-realtajiet kulturali ta’ pajjiżna.

It-titlu “Kapitali Ewropea tal-Kultura” li ngħata lill-Belt Valletta jħeġġeġ riflessjoni kritika fuq dan il-fenomenu billi jistħarreġ id-diversi prattiki kulturali tal-komunitajiet lokali u billi jqajjem bosta mistoqsijiet dwar kif dawn l-attivitajiet – permezz tal-ispazju u tal-infrastruttura tal-Belt – jgħaddu minn proċess ta’ medjazzjoni u negozjazzjoni.

Din il-ġabra ta’ essejs tippreżenta diversi perspettivi akkademiċi minn studjużi distinti dwar dawn il-kwistjonijiet billi tesplora l-użu tal-ispazju kulturali għal tipi differenti ta’ interazzjoni artistika bħala parti mill-proġett Cultural Mapping tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Il-pubblikazzjoni issa tinsab għall-bejgħ mingħand il-bejjiegħa tal-kotba ewlenin kollha, kemm mill-ħwienet u kemm mill-internet. Biex takkwista kopja tista’ żżur is-sit elettroniku ta’ Midsea Books jew ta’ Amazon.co.uk

L-ewwel prodott tanġibbli tal-proġett ‘Cultural Maping’ – il-mappa interattiva onlajn  culturemapmalta.com – tnieda f’Mejju 2015. Dwar dan is-suġġett f’Ottubru tal-istess sena ttellgħet ukoll il-konferenza internazzjonali Cultural Mapping: Debating Spaces and Places.

Dan il-proġġett qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u għandu l-appoġġ tal-Unità tal-Kultura u tal-Midja Awdjoviżiva fi ħdan il-Ministeru għall- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Tista’ tikseb iżjed tagħrif dwar il-proġett ‘Cultural Mapping’ minn dan is-sit elettroniku.