L-għan ċentrali ta’ din il-konferenza huwa li tgħaqqad flimkien riċerkaturi, akkademiċi, persuni li jfasslu l-politiki, urbanisti u prattikanti kulturali biex jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar ir-relazzjoni kumplessa bejn il-branding tal-belt, il-proċessi komunitarji li jibdew mill-qiegħ u attivitajiet fuq skala kbira bħat-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-konferenza ta’ din is-sena se tiġbor flimkien riċerkaturi, prattikanti kulturali u persuni li jfasslu l-politiki biex jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar id-dinamika soċjali li permezz tagħha spazju (pubbliku, privat jew virtwali) jservi bħala sit ta’ diskors, kontestazzjoni u riflessjoni kritika fi ħdan u bejn il-komunitajiet.

Living Cities, Liveable Spaces: Placemaking & Identity  tesplora l-interazzjoni bejn id-diplomazija kulturali, il-branding tal-post u l-għajxien, partikularment fid-dawl ta’ attivitajiet pubbliċi kbar bħall-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu diskussi fil-kuntest tal-involviment taċ-ċittadini u l-iżvilupp tal-belt sostenibbli.

 

Matul it-tlett ijiem ta’ sessjonijiet plenarji u paralleli, parteċipanti tal-konferenza se jesploraw erba’ temi:

  • – Id-Diplomazija Kreattiva
  • Branding ta’ belt abitabbli
  • – Żminijiet ta’ sfida
  • – Bliet Futuri

Il-post ewlieni tal-konferenza se jkun il-Gran Salon fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, b’ikliet ta’ nofsinhar isiru fil-Każin tal-Banda La Vallette.

Kelliema tal-konferenza jinkludu akkademiċi, awturi u pjanifikaturi tal-belt ewlenin minn madwar l-Ewropa, fosthom Prof. Dr Sebastian Olma,  ospitat mill-Ambaxxata tar-Renju tan-Netherlands, awtur, kritiku u konsulent tal-politika b’viżjoni kritika dwar l-industriji kreattivi; Dr Marie Briguglio, ekonomista, akkademika u lekċerer fl-Ekonomija tal-Imġiba, il-Metodi tar-Riċerka, il-Marketing Soċjali, l-Ekonomija Ambjentali (l-Università ta’ Malta); Dr Tricia Austin, Konsulenta tad-Disinn u Akkademika fis-Central Saint Martins; Jaakko Blomberg, attivisti urban minn Ħelsinki, il-Finlandja u Dr Michael Gerace, avukat u kofondatur ta’ Bar Europa, ospitat mill-British Council, fost l-oħrajn.

Living Cities, Liveable Spaces: Placemaking & Identity tanalizza r-relazzjoni bejn distretti u destinazzjonijiet kulturali u l-belt li jinsabu fihom; kif distretti u destinazzjonijiet kulturali differenti madwar id-dinja qed jibnu, jimmaniġġjaw u jippromwovu l-brands­ tagħhom u dak li joffru u kif jirnexxilhom jinvolvu l-partijiet interessati u jimpenjaw u jżommu residenti , artisti u persuni kreattivi lokali fid-distrett u fil-belt tagħhom u l-użu ta’ spazji pubbliċi għall-impenn kulturali u komunitarju.

Il-konferenza se tkun qed tinkludi preżentazzjoni dwar Ġewwa Barra, proġett artistiku komunitarju li għandu l-għan li jagħti s-setgħa lir-residenti tal-Belt Valletta billi jinkoraġġihom jirrelataw b’mod responsabbli u kreattiv mal-belt u mal-bidliet li għaddejjin bħalissa, li se tkun ippreżentata minn Dr Victor JaconoMikael Mohamed, Kap tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fi Mucem (Mużew Nazzjonali taċ-Ċivilizzazzjonijiet Ewropej u Mediterranji) f’Marsilja, se jkun qed jippreżenta l-isfidi ffaċċjati mill-bidu ta’ Mucem, filwaqt li jaqsam narrattivi dwar il-Mediterran u l-isfidi li jiffaċċjaw nuklei kulturali f’dan iż-żmien. Juan Carlos Belloso, CEO u Fundatur ta’ Future Places se jkun qed jiffoka fuq ir-rwol tad-distretti u d-destinazzjonijiet kulturali fit-tfassil tal-identità u l-immaġni kulturali tal-belt.

Il-konferenza se tkun qed tiffoka wkoll dwar kif l-isport ikun aċċessibbli għal kulħadd, bi Bjorn Vassallo, Direttur tal-Assoċjazzjonijiet tal-Membri Ewropej il-FIFA, jenfasizza l-fatt li l-isport jibqa’ għodda b’saħħitha ħafna u għandu l-abbiltà li jnaqqas l-ostakoli fiżiċi u psikoloġiċi, u l-ħtieġa dejjem tikber biex jiġu offruti postijiet tajbin biżżejjed għall-interazzjoni u l-bini tal-komunità u jiġu stabbiliti komunitajiet b’saħħithom li jistgħu jinteraġixxu b’mod attiv u jrawmu fehim reċiproku.

Fid-dawl tal-eżami kollaborattiv tal-perċezzjoni tal-persuni ta’ postijiet kulturali, se jsir workshop dwar l-immappjar parteċipatorju bħala parti mill-programm tal-konferenza. Il-Mapping for Change workshop, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018, huwa opportunità biex jiġu identifikati f’mapep esperjenzi, ħsibijiet u ideat.

 

Ir-reġistrazzjoni bħalissa tinsab miftuħa. Biex tibbukkja, jekk jogħġbok segwi din il-ħolqa.