Fost is-siti ewlenin għall-esibizzjoni, hemm il-Pixkerija, binja skedata tat-tieni Grad mibnija kmieni fis-snin 30 tas-seklu li għadda, f’Xatt il-Barriera. Richter qed taħdem flimkien ma’ aktar minn 25 artist stabbilit u oħrajn li qed jevolvu minn 15-il pajjiż – li jinkludu lil Malta, Franza, l-Awstrija, l-Eġittu, il-Ġermanja, is-Sirja, ir-Renju Unit, l-Iżvezja, il-Ghana, Spanja u l-Palestina – li qed jikkollaboraw ma’ msieħba lokali madwar il-gżejjer.

It-titlu Dal-Baħar Madwarha huwa ispirat minn kwotazzjoni mix-xogħol tal-filosfu Gilles Deleuze, “The island is what the sea surrounds” – “Il-gżira hija dik imdawra mill-baħar”. Dan ifassal il-mod ta’ tmexxija ta’ siltiet li jkunu għadhom kemm ġew ikkummissjonati u oħrajn eżistenti li jesploraw il-ħsieb ta’ stat ta’ gżira b’modi divertenti u kritiċi. Huwa vjaġġ artistiku mnebbaħ mir-realtajiet tal-Gżejjer Maltin, fejn fuq quddiem hemm ir-relazzjoni tal-gżira mal-eqreb ġar – il-Baħar Mediterran.

L-esibizzjoni tfassal mill-ġdid fruntieri, timmaġina ġeografiji ġodda fejn il-baħar jidher fluwidu u mibdul aktar milli ostaklu fiżiku ieħor bejn in-nies, il-postijiet u l-kultura. Fi kliem Richter: Il-programm mifrux madwar postijiet differenti jistieden artisti internazzjonali u Maltin biex ifasslu u jwieġbu għall-urġenzi u l-isfidi attwali u tal-imgħoddi, fejn ir-rwol tal-Baħar Mediterran huwa sinifikanti […] Il-gżira hija mezz ta’ waqfien, familjarizzata b’ċertu romantiċiżmu.

Filwaqt li l-baħar huwa simbolu fil-lingwa tal-immaġinazzjoni tagħna; huwa post ta’ riflessjoni, vjaġġ u ħelsien volatili. Fl-isfond ta’ ħsibijiet li joħolqu riflessjonijiet provokanti bħal dawn, l-esibizzjoni tesplora l-identità tal-Ġżejjer tagħna f’kuntest globali usa’, billi titfa’ dawl fuq viżjonijiet kreattivi, soċjali u politiċi tal-Mediterran permezz tal-aktar dehra ikonika u dejjiema: il-baħar fond kaħlani.