Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta huwa appuntament ta’ kull sena li jgħaqqad flimkien kittieba u tradutturi attivi minn Malta, mill-Mediterran u lil hinn, u huwa vetrina għall-ħsieb u l-kitba kontemporanja, u l-promozzjoni tal-interazzjoni bejn il-lingwi, ġeneri, ġeografiji, filwaqt li jiddiskuti uħud mill-kwistjonijiet ewlenin ta’ żmienna.

Il-Festival jikkonsisti minn qari, mużika, films tal-poeżija u aktar. Proġett kollaborattiv ma’ Valletta 2018 intitolat Poetry on Film, se jkun qed juri interpretazzjoni awdjo-viżiva tal-poeżija Maltija f’films qosra.

Bit-trawwim tal-kollaborazzjoni fi ħdan programmi speċifiċi u ġeneri artistiċi permezz ta’ festival letterarju annwali, workshop letterarju tat-traduzzjoni u attivitajiet oħrajn ta’ qabel il-festival, il-FMLM jimmira li jikkonsolida l-post tal-letteratura Maltija fil-kuntest globali u Mediterranju simultanju.

L-edizzjoni tal-2017 tal-Festival se ssir bejn l-24 u s-26 ta’ Awwissu 2017, bl-attivitajiet ta’ qabel il-Festival jibdew fil-21 ta’ Awwissu 2017. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-attività jew inizjamedmalta.wordpress.com.