Il-Karnival huwa wieħed mill-eqdem avvenimenti kulturali ta’ pajjiżna. Id-dilettanti lokali jqattgħu sena sħiħa jħejju fil-moħbi għal erbat ijiem t’avvenimenti li matulhom jipparteċipaw u jikkompetu fil-parata tal-Karnival. Il-karrijiet milwiena u mill-isbaħ li jirrappreżentaw kull xorta ta’ persuni, annimali u ħlejjaq mitiċi joħonqu t-toroq tal-Belt filwaqt li jġorru fuqhom bosta żeffiena b’kostumi elaborati jixxalaw abbord. Il-bini tal-karrijiet tal-Karnival f’Malta hija arti li ntirtet minn ġenerazzjoni għall-oħra u l-entużjasti jagħmlu xogħlhom b’reqqa kbira.

Il-jiem tal-Karnival jinkludu wkoll għadd ta’ baned jimmarċjaw, tfal bil-kostumi u żgħażagħ igawdu l-atmosfera pjaċevoli fit-toroq storiċi tal-kapitali filwaqt li gruppi ta’ żeffiena lebsin għall-okkażjoni jagħtu spettaklu ta’ żfin fi Pjazza San Ġorġ ħalli jpaxxu lill-familji miġbura fi stands mibnija apposta.