Malta u Leeuwarden għandhom bosta rabtiet ta’ biedja u jpartu prodotti tar-raba’ u żerriegħa tal-patata darbtejn fis-sena. Minn dawn iż-żrieragħ, il-bdiewa Maltin ikabbru l-patata li mbagħad tiġi esportata lura lejn Leeuwarden. Poetry in Potato Bags jagħmel użu minn din ir-relazzjoni billi tpartat il-poeżiji mal-prodott agrikulturali.

Tmien poeti Maltin u tmien poeti Netherlandiżi se jiġu kkummissjonati biex jiktbu poeżija kull sena bejn l-2015 u l-2018. F’Marzu ta’ kull sena, il-poeżiji Maltin ikunu ppakjati u mibgħuta mal-patata lejn in-Netherlands. Kull persuna li tixtri xkora patata fin-Netherlands issib poeżija Maltija (b’traduzzjoni bl-Ingliż u bin-Netherlandiż) ippakjata mal-patata tagħhom. Il-poeti Netherlandiżi jirrepetu dan il-proċess f’Ottubru ta’ kull sena billi jibgħatu l-poeżija lejn Malta maż-żrieragħ; li tfisser li tul dawn l-erba’ snin, tkun nibtet konversazzjoni bejn il-poeti miż-żewġ reġjuni.

Aspett ieħor tal-proġett huwa l-aspett edukattiv. Il-Fondazzjoni Valletta 2018, f’kollaborazzjoni mal-Appoġġ, trid tesponi lit-tfal għall-poeżija u d-dinja tal-biedja, fejn jistgħu jitgħallmu aktar dwar il-proċess ta’ kif tkabbar il-patata lokalment. Bis-saħħa ta’ workshops ma’ poeti lokali bħalma huma Emmanuel Attard Cassar u Rita Saliba, it-tfal jistgħu ukoll jitgħallmu rima bażika u aktar tagħrif fuq il-kitba tal-poeżiji.

Poetry in Potato Bags huwa kollaborazzjoni bejn Valletta 2018, Potatoes Go Wild, Inizjamed, Appoġġ, u, naturalment, Leeuwarden 2018.

 

L-attività li jmiss hija iii għal ikel – serata ta’ Palk Ħieles fejn wieħed jista’ jiġi jaqra poeżija jew tnejn.