MUŻA huwa l-isem li ntgħażel għall-mużew il-ġdid tal-arti ta’ Malta u huwa proġett ewlieni għall-Belt Valletta, Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018. Il-proġett, immirat lejn il-komunità huwa mużew nazzjonali, l-ewwel ta’ dan it-tip, li jaqsam viżjoni komuni mal-oġġettivi tal-Fondazzjoni li jippromwovu l-arti u l-mużewijiet bħala għodda għall-bidla soċjali. MUŻA se jsir fil-Berġa tal-Italja, bini storiku li jmur lura sas-seklu sittax u kien jintuża bħala r-residenza tal-kavallieri Taljani tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan il-post huwa fejn kien esebit għall-ewwel darba in-nukleu ta’ dak li mbagħad sar il-Mużew Nazzjonali tal-Arti. Il-kollezzjoni tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti tinkludi oġġetti u xogħlijiet artistiċi apprezzati minn mużewijiet internazzjonali imma li ma tantx huma magħrufa mill-komunità lokali.

MUŻA se jippreżenta stejjer permezz ta’ oġġetti u wirjiet. L-ewwel tliet stejjer jikkonċernaw il-Mediterran, l-Ewropa u l-Imperu, kollha kemm huma marbuta mal-ġografija u l-istorja ta’ Malta. Ir-raba’ storja se tippreżenta lill-artist. L-erba’ stejjer se jkunu ppreżentati b’modi innovattivi – fi spazji jħarsu fuq bitħa li se tkun spazju miftuħ u aċċessibbli minn kulħadd. Il-bitħa u l-attivitajiet kreattivi li se jseħħu f’dan l-ispazju se jkunu l-qalb tħabbat tal-mużew bħala spazju aċċessibbli minn kulħadd. Il-proġett qed ikun iddisinjat “man-nies u għan-nies”. Tassew, MUŻA huwa proġett tal-komunità fejn il-poplu jista’ jipparteċipa filwaqt li l-mużew jipprovdi l-għodod għall-komunikazzjoni u qsim tal-ideat.

Il-proġett miexi ‘l quddiem skont il-pjan. Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni internazzjonali għad-disinn, imnedija fl-2013, kienu mħabbra f’Settembru tal-2014 u bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-taqsim tad-disinn u l-iżvilupp tal-kunċett tal-proġett. Il-proġett magħżul kien preżentat minn tim multi-nazzjonali: DTR u CYAN Engineering, żewġ kumpanniji Maltin, u Martello Media, tim multidixxiplinarju Irlandiż li jispeċjalizza fid-disinn tal-wirjiet u ppjanar tal-interprertazzjoni. It-tim jinkludi wkoll esperti Maltin li se jkunu qed jaħdmu id f’id mal-ispeċjalisti ta’ Heritage Malta fuq din it-tipoloġija ġdida ta’ mużew, żviluppata apposta għal Malta.

MUŻA, li se jkun tliet darbiet ikbar mill-Mużew tal-Arti fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt, se jagħmilha aktar faċli għan-nies biex ikollhom raġuni għalfejn iżuru l-mużew u japprezzaw l-oġġetti li se jkun fih. L-idea hi li l-viżitaturi jesperjenzaw il-mużew, li jkunu kritiċi u li jsaqsu mistoqsijiet waqt l-attivitajiet li se jkunu organizzati. Dan se jkun possibbli permezz tat-teknoloġija, imma wkoll grazzi għall-istejjer li MUŻA se jippreżenta u l-modi li se jintużaw biex jintwerew id-diversi xogħlijiet fil-wirja. Qed tingħata attenzjoni partikolari lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, speċifikament lit-tfal tal-iskejjel, li se jkunu mħeġġa jistaqsu u jirrispondu permezz ta’ modi innovattivi. Il-bini se jkun imħaddem minn enerġija nadifa, u se jiġġenera l-bżonnijiet tal-enerġija minn sorsi sostenibbli, u se jirrappreżenta l-aħjar prattika ta’ kif jerġa’ jintuża bini storiku Malti.

Kif qal tajjeb il-mexxej tal-proġett Sandro Debono, ‘dan huwa vjaġġ li se jmexxina lejn l-2018 u iktar ’il quddiem, hekk kif qed infittxu li mmexxu l-arti u l-kreattività minn kumdità imprezzabbli għal riżorsa relevanti għall-komunità’.

L-appuntament huwa għall-2018!