Triq id-Dejqa malajr qed issir ruħha bħala l-qalba tal-ħajja soċjali u attività kreattiva fil-Belt, anke waqt li hemm xogħlijiet ta’ restawr u riġenerazzjoni għaddejjin. Magħrufa ukoll bħala Strada Stretta, din it-triq hija l-idjeq fil-Belt Valletta, għax għalkemm hi twila 665 metri, hi wiesgħa biss bejn 3.5 u 4 metri.

Apparti milli tikkrea proġetti li jkattru l-esperjenza kulturali f’Malta, il-Fondazzjoni Valletta 2018 għandha rwol importanti ieħor — li tikkonsulta ma’ entitajiet oħra dwar ir-riġenerazzjoni ta’ xi uħud miż-żoni tal-belt.

Sabiex Strada Stretta tingħata l-ħajja, Valletta 2018 inkarigat lil Dr Giuseppe Schembri Bonaci, akkademiku tal-arti Belti, bħala direttur artistiku biex iħejji lil Strada Stretta għal vjaġġ twil u sostenibbli sakemm tittrasforma f’ċentru tal-attività permanenti. F’diskussjoni ma’ l-Proġett tar-Riablitazzjoni tal-Belt – li hu responsabbli għal xogħlijiet ta’ restawr u riġenerazzjoni — Dr Schembri Bonaci qed jikkontribwixxi b’għerf u direzzjoni fuq l-estetika tat-triq filwaqt li jgħin bl-interpretazzjoni tal-istorja b’lenti kontemporanja.

Fi kliemu stess, Strada Stretta se ssir tradizzjoni u istituzzjoni; marka distinta fid-dinja tal-arti u l-kultura. Għal dan l-għan, ħa jkun hemm bosta programmi b’avvenimenti ta’ kwalità u attività kontinwa.

F’koordinazzjoni diretta mal-Fondazzjoni Valletta 2018, Dr Schembri Bonaci ħa jkun qed jieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali u artistiċi li jinkorporaw sħubija bejn kull post, bar, ristorant fi Triq id-Dejqa; il-bini ta’ pont bejn l-avvenimenti u sieħba prospettivi li jistgħu jkunu interessati fosthom l-Università ta’ Malta, MCAST, l-Iskola tal-Arti, l-Iskola tal-Mużika, mużewjiet, it-Teatru Manoel (u teatri oħrajn), Malta Philharmonic Orchestra u setturi oħra ta’ kultura aktar bands ġodda jew għannejja, fost oħrajn. Fost l-attivitajiet ippjanati, se jkun hemm esebizzjonijiet, produzzjonijiet teatrali, serje ta’ seminars, simpożji, taħdidiet, teatru fit-toroq, avvenimenti tul il-lejl, sessjonijiet ta’ mużika tindaqq attwalment, u kif ukoll laqgħat ma’ artisti diversi.

Ir-riġenerazzjoni tal-mużika ġazz, kabarè, teatru u l-kultura ta’ belt ħa tkun waħda mill-miri ta’ dan il-programm, li se jinvolvi lil artisti magħrufin fuq livell internazzjonali b’mod regolari. Ir-riabilitazzjoni ta’ Strada Stretta bħala ċentru ta’ attività, ir-restawr arkitettorali li jirrifletti l-karattru u l-istorja tat-triq, ir-ritorn tad-divertiment u l-kultura ta’ belt, ir-riabilitazzjoni u l-konservazzjoni ta’ sinjali u pitturi storiċi fuq il-ħitan, se jkunu fost ix-xogħlijiet li se jseħħu.

Madwar dan ix-xogħol kollu, l-istorja tat-triq, kif ukoll l-użu tagħha, se jkunu qed jiġu studjati u rriċerkati fid-dettall permezz ta’ bosta arkivji. Il-mod ta’ kif ċertu avvenimenti artistiċi se jingħadu flimkien biex jiġu mmaniġjati f’lokalitajiet differenti qed jiġi rriċerkat ukoll.

Filwaqt li x-xogħlijiet ta’ infrastruttura huma għaddejjin, hemm numru ta’ avvenimenti ppjanati tul il-ġimgħat li ġejjin li jiffurmaw parti minn programm li qed jiġi mħejji bħalissa.