Il-Valletta Design Cluster tnieda b’mod uffiċjali f’Ġunju 2015 bħala wieħed mill-proġetti ewlenin tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Dan irrappreżenta l-identifikazzjoni formali tal-bini tal-Biċċerija l-Antika – li f’dak l-istadju kienet struttura abbandunata fil-qalba ta’ wieħed mill-kwartieri residenzjali tal-Belt Valletta – bħala l-bażi tal-Cluster il-ġdid u bħala proġett infrastrutturali li mistenni jikkatalizza l-iżvilupp urban f’din iz-zona tal-belt kapitali li kienet ilha mitluqa s-snin. Il-kuntratti meħtieġa tat-tindifa u tax-xogħlijiet strutturali riffieda ġew ippubblikati u mogħtija lejn tmiem is-sajf mentri l-ewwel xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċati tal-viċinanzi bdew fi tmiem Ottubru 2015.

Filwaqt li l-ħidma fuq l-interventi fiżiċi mxew ’l quddiem, il-Valletta Design Cluster beda jistabbilixxi ruħu bħala punt ta’ riferenza, sew fuq livell lokali u sew fuq livell  għall-inizjattivi fil-qasam tad-disinn. Sal-bidu tal-2016 il-Cluster kien applika u ġie aċċettat bħala membru ġdid tal-BEDA (Bureau of European Design Associations) u rċieva stedina mill-EU-Japan Fest għal żjara esploratorja f’Tokjo bil-għan li jinbnew ħoloq għal programm ta’ kollaborazzjonijiet multiannwali mal-professjonisti tad-disinn Ġappuniżi.

Fuq livell nazzjonali il-Valletta Design Cluster beda jibni s-sisien għall-objettivi strateġiċi ewlenin tiegħu billi jqabbad flimkien l-edukazzjoni, l-appoġġ industrijali, il-bini tas-sensibilizzazzjoni u l-inizjattivi fir-riċerka u fil-politika bil-għan li jsaħħaħ il-kontribut tad-disinn għall-benessri ekonomiku u soċjali. Wieħed mill-eżiti diretti ta’ dan huwa l-inklużjoni tal-Cluster fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li rriżulta mill-Istrateġija Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2020. Eżitu ieħor kien ir-riċerka magħmula u ppubblikata mid-Dipartiment tal-Politika Ekonomika tal-Ministeru għall-Finanzi li ppreżentat l-ewwel indizji fil-ħoloq bejn l-attività tas-settur tad-disinn f’Malta u l-ekonomija ġenerali.

Il-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet u mal-inizjattivi edukattivi huma fattur ewlieni sabiex il-Cluster u s-settur tad-disinn tabilħaqq jiksbu suċċess fit-tul. F’April 2016 il-Cluster issieħeb mad-Design and Technology Learning Centre fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni għat-tieni National D&T Expo. Din kienet opportunità eċċellenti biex tissawwar ħolqa mal-attività pedagoġika fid-disinn fl-iskejjel primarji u b’mod speċjali sekondarji peress li l-okkażjoni laqqgħet taħt saqaf wieħed lill-istudenti, lill-għalliem u lill-pubbliku ġenerali. Il-Valletta Design Cluster ħadem flimkien mal-kumpanija kreattiva lokali Creolabs Ltd kif ukoll ma’ FabLab Valletta u Interactive Architecture Lab (Malta) fuq it-tfassil ta’ għadd ta’ workshops għall-istudenti.

Il-qrubija tal-proġett mal-komunità residenzjali Beltija huwa element maġġuri fil-fażi tal-iżvilupp tal-proġett. Fi Frar 2015 ittella’ workshop esploratorju b’kollaborazzjoni mad-Direttur ta’ Culture21 Nordic (Kopenħagen) Dr Oleg Koefeld bil-għan li jistħarreġ toroq ta’ inkroċju li jippermettu attività ta’ fertilizzar bejn il-ħtiġijiet tal-komunità u d-dinamiki kreattivi tal-cluster. Matul l-2016 il-Cluster issieħeb b’mod dirett mal-Fondazzjoni Valletta 2018 kif ukoll maċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Edukazzjoni Ambjentali tal-Università ta’ Malta ħalli jkompli jibni fuq dan l-ewwel pass fl-involviment komunitarju. Dan wassal biex il-Cluster jospita nonkonferenza dwar il-maġar – arranġament ta’ laqgħa informali msejsa fuq metodoloġija Open Space li tagħti lok biex il-komunità nfisha tfassal l-aġenda tagħha għad-diskussjoni u biex jittieħed approċċ inklużiv rigward id-djalogu bejn id-diversi partijiet interessati. Matul ix-xhur li ġejjin il-Cluster biħsiebu jkompli jiżviluppa din l-inizjattiva b’koperazzjoni mal-komunità tal-maġar billi jipprovdi pjattaforma għal aġenda ta’ Azzjoni Lokali li tqawwi b’mod dirett l-azzjoni tal-membri tal-komunità ħalli huma jkunu jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom fl-ispazji komuni li jaqsmu bejniethom.

Fl-aħħar nett ta’ min jingħad li fix-xhur li ġejjin il-Cluster ser japprofondixxi l-kollaborazzjoni tiegħu mal-Malta Business Bureau (MBB). Dan sar isir wara s-suċċess notevoli li rreġistrat l-inizjattiva mmexxija mill-MBB fil-bini tal-konnessjoni tal-istatus ambassadorjali tiegħu Design for Europe mal-ħtiġijiet tal-industrija tas-servizzi lokali permezz ta’ Service Design workshop li sar f’Ġunju 2016. Bis-saħħa ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet ir-rwol tal-Cluster bħala katalist għall-bidla fl-apprezzament u l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ disinn intensiv u l-benefiċċji li jġibu jkomplu jissaħħu u jitqassmu bejn il-partijiet interessati kollha li jikkollaboraw flimkien.