Ċisterni li jinsabu taħt il-Palazz tal-Arċisqof se jinfetħu waqt il-Valletta Green Festival li se jsir mill-25 sat-30 ta’ April, ħabbar iċ- ċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef, aktar kmieni llum.

L-għerien ta’ taħt l-art fihom ilma ġieri li ilu għaddej minn qabel ma nbniet il-Belt Valletta u għadu jiġri sal-lum. Iċ-ċisterni, flimkien mal-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof u l-ġnien tal-Monsateru ta’ Santa Katerina, se jkunu miftuħin fi tmiem il-ġimgħa tal-festival, mit-28 sat-30 ta’ April, bejn id-9am u nofsinhar u bejn l-4pm u s-7pm.

Bħal f’edizzjonijiet oħrajn, tul il-festival kollu u b’unur għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Pjazza San Ġorġ se tkun imżejna bl-infjorata, magħmula minn 80,000 pjanta. F’dawk il-jumejn se jkun hemm eżekuzzjonijiet mużikali mill-gruppi Jackson Music Traditional Music Band u Tikka Banda li se jkunu qed jinteraġixxu mal-pubbliku fil-pjazza.

Se jkun hemm attivitajiet oħra wkoll mifruxa mal-belt fosthom, Palk Ħieles nhar il-Ġimgħa 28 ta’ April fit-8pm ġewwa l-Camarata Bar. Se jkun hemm ukoll workshop ta’ kif strumenti mużikali jistgħu jinħalqu minn materjal riċiklat u eżekuzzjoni mużikali li se ssir ġewwa l-Maori Bar is-Sibt 29 ta’ April fis-7pm. Matul il-ġranet tas-Sibt u l-Ħadd, quddiem il-Qorti, se jsiru wkoll attivitajiet ta’ rakkuntar ta’ stejjer, kollha ġewwa l-mobile unit ta’ Valletta 2018. Dawn il-workshops huma marbutin ma’ Poetry in Potato bags, proġett ieħor ta’ Valletta 2018, immexxija minn Leanne Ellul. Rag Rug huwa workshop ieħor fejn drappijiet qodma jiġu reċiklati fi twapet u dan se jsir ukoll nhar is-Sibt 29 ta’ April fl-10am immexxi minn Angele Galea.

L-aspett ambjentali tal-festival se jiġi msaħħaħ b’żewġ attivitajiet ta’ tindif bħala parti mill-festival. Is-Sibt 22 ta’ April se jsir tindif tal-baħar fil-Belt Valletta filwaqt li se jsir tindif tal-baħar u tal-art fl-Aħrax tal-Mellieħa fit-30 ta’ April.

Il-Valletta Green Festival huwa organizzat minn Valletta 2018 f’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura; il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bidla fil-Klima; il-Konsorzju tal-Ippjanar tal-Ambjent; id-Dipartiment Parks bħala parti mill-kampanja Tree 4 U (34U); u WasteServ Malta Ltd; bl-appoġġ ta’ Inizjamed u diversi NGOs oħrajn fosthom BirdLife, Fish4Tomorrow, Shark Lab, Żibel Malta u Friend of the Earth.

Għal iktar informazzjoni dwar il-programm tal-Valletta Green Festival żur is-sit valletta2018.org