Ir-reġistrazzjoni sabiex tipparteċipa f’Darba Waħda issa hija miftuħa. Darba Waħda huwa proġett ta’ Valletta 2018 li jfittex li jtaffi d-distanza ġenerazzjonali bejn it-tfal u l-anzjani permezz tal-irrakkuntar ta’ stejjer, drama, logħob u attivitajiet pjaċevoli oħrajn. Is-sessjonijiet mingħajr ħlas, immexxija minn Anna Formosa u li se jibdew f’Marzu, huma miftuħa għal tfal li għandhom bejn 9 u 12-il sena u għall-adulti li għandhom ‘il fuq minn sittin sena li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet:  Marsaskala, Iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Tas-Sliema, San Ġiljan, Is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.

Il-lokalitajiet se jkunu miġbura fi gruppi u s-sessjonijiet se jsiru fi spazji allokati fiż-żona. Is-sessjonijiet għal Marsaskala, Iż-Żejtun u Ħaż Żabbar se jsiru ġewwa ċ-Ċentru Ċiviku ta’ Ħaż Żabbar; is-sessjonijiet għal tas-Sliema u San Ġiljan se jsiru ġewwa ċ-Ċentru Titu Brandsma fil-Balluta; filwaqt illi dawk għas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ se jsiru ġewwa ċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi.

Is-sessjonijiet se jsiru minn Marzu sa Mejju: is-sessjonijiet ta’ San Ġiljan se jsiru nhar ta’ Tlieta u jibdew fl-1 ta’ Marzu; is-sessjonijiet ta’ Ħaż-Żabbar se jsiru nhar ta’ Erbgħa u jibdew fit-2 ta’ Marzu; is-sessjonijiet tas-Siġġiewi se jsiru nhar ta’ Ġimgħa u se jibdew fl-4 ta’ Marzu. Dawk li huma interessati li jieħdu sehem għandhom jirreġistraw billi jikkuntattjaw il-kunsill lokali tagħhom. Se jiġi pprovdut ukoll it-trasport lejn il-post u lura.

Għal aktar informazzjoni, żur www.valletta2018.org jew ibgħat e-mail fuq [email protected]